settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhuma l-ismijiet u t-titli tal-Ispirtu s-Santu?

Tweġiba


L-Ispirtu s-Santu hu magħruf b’ħafna ismijiet u titli, u l-parti l-kbira tagħhom jindikaw xi funzjoni jew aspett tal-ministeru tiegħu. Hawn taħt insibu wħud mill-ismijiet u d-deskrizzjonijet li l-Bibbja tuża għall-Ispirtu s-Santu:

L-Awtur tal-Iskrittura: (2 Pietru 1:21; 2 Timotju 3:16) Il-Bibbja hi ispirata, litteralment “ħarġet minn fomm,” l-Ispirtu s-Santu, it-tielet Persuna tat-Trintà. L-Ispirtu mexxa l-awturi tas-sitta u sittin ktieb biex jirrekordjaw eżattament dak li hu nefaħ fi qlubhom u fi mħuħhom. Bl-istess mod kif dgħajsa titmexxa fl-ilma mir-riħ fil-qlugħ, hekk il-kittieba tal-Bibbja nġarru mill-impuls tal-Ispirtu.

Il-Farraġi / il-Kunsulier / l-Avukat: (Isaija 11:2; Ġwanni 14:16; 15:26; 16:7) It-tliet kelmiet huma traduzzjonijiet tal-kelma Griega parakletos, li minnha nġibu “Paraklitu,” isem ieħor għall-Ispirtu. Meta Ġesù telaq, id-dixxipli tiegħu kienu ddisturbati wisq għaliex kienu tilfu l-preżenza konfortabbli tiegħu. Però wegħidhom li kellu jibgħat l-Ispirtu biex ifarraġ, jikkonsla, u jiggwida lil dawk li huma ta’ Kristu. L-Ispirtu “jixhed” ukoll mal-ispirtu tagħna li aħna tiegħu u b’hekk jassigurana mis-salvazzjoni.

Dak li Jikkonvinċi dwar id-Dnub: (Ġwanni 16:7-11) L-Ispirtu japplika l-veritajiet t’Alla lill-imħuħ tal-bnedmin, b’argumenti ġusti u suffiċjenti, bl-għan li jikkonvinċihom li huma midinbin. Dan jagħmlu bil-konvinzjoni fi qlubna li aħna m’aħniex denji nieqfu quddiem Alla Qaddis, li neħtieġu l-ġustizzja tiegħu, u li l-ġudizzju hu ċert u xi darba għad jiġi fuq il-bnedmin kollha. Dawk kollha li jiċħdu dawn il-veritajiet qed jirribellaw kontra l-akkuża tal-Ispirtu.

Il-Kapparra / Siġill / Rahan: (2 Korintin 1:22; 5:5; Efesin 1:13-14) L-Ispirtu s-Santu huwa s-siġill t’Alla fuq niesu, il-klejm li aħna verament tiegħu. Id-don tal-Ispirtu lill-fidili huwa kapparra tal-wirt smewwieti, li Kristu wegħidna u kiseb għalina fuq is-salib. Huwa minħabba li l-Ispirtu ssiġillana li aħna assigurati mis-salvazzjoni tagħna. Ħadd ma jista’ jikser is-siġill t’Alla.

Il-Gwida: (Ġwanni 16:13) Hekk kif l-Ispirtu mexxa l-kittieba tal-Iskrittura biex jirrekordjaw il-verità, bl-istess mod iwiegħed li jmexxi lill-fidili biex jagħrfu u jifhmu l-verità. Il-verità t’Alla hi “bluha” għad-dinja, għaliex hi “evalwata spiritwalment” (1 Korintin 2:14). Dawk li huma ta’ Kristu għandhom l-Ispirtu jgħammar fihom li jmexxina f’dak kollu li għandna bżonn inkunu nafu dwar il-ħwejjeġ spiritwali. Dawk li mhumiex ta’ Kristu m’għandhomx “interpretu” biex jiggwidahom jagħrfu u jifhmu l-Kelma t’Alla.

Dak li Jgħammar fil-Fidili: (Rumani 8:9-11; Efesin 2:21-22; 1 Korintin 6:19) L-Ispirtu s-Santu jirresiedi fi qlub il-poplu t’Alla, u dik ir-residenza hija l-karatteristika li tiddistingwi l-persuna riġenerata. Minn ġol-kredenti jidderieġi, jiggwida, ifarraġ, u jinfluwenzana, kif ukoll jipproduċi fina l-frott tal-Ispirtu (Galatin 5:22-23). Jipprovdi dik l-għaqda intima bejn Alla u wliedu. Dawk kollha li ġenwinament emmnu fi Kristu għandhom l-Ispirtu jgħammar fi qlubhom.

L-Interċessur: (Rumani 8:26) Wieħed mill-aktar aspetti tal-Ispirtu s-Santu li jmissu jfarraġna u jinkuraġġina huwa l-ministeru ta’ interċessjoni tiegħu għan-nom ta’ dawk li fihom jgħix. Billi spiss ma nafux kif u għal xiex għandna nitolbu meta nersqu qrib Alla, l-Ispirtu jinterċiedi u jitlob għalina. Jitlob għalina bi “krib inesprimibbli”, biex meta aħna oppressati u megħluba mill-provi u l-inkwiet ta’ did-dinja, jiġi maġenbna sabiex jassistina hekk kif ukoll isostnina quddiem it-tron tal-grazzja.

Dak li Jirrivela / l-Ispirtu tal-Verità: (Ġwanni 14:17; 16:13; 1 Korintin 2:12-16) Ġesù wegħidna illi, wara r-resurrezzjoni, l-Ispirtu s-Santu kellu jiġi sabiex “jiggwidana fil-verità kollha.” Bl-Ispirtu fi qlubna, aħna kapaċi nifhmu l-verità, speċjalment fejn għandhom x’jaqsmu l-ħwejjeġ spiritwali, b’tali mod li dawk li mhumiex Kristjani mhumiex kapaċi. Fil-fatt, il-verità li l-Ispirtu jirrivelalna hi “bluha” għalihom, u mhumiex kapaċi jifhmuha. Imma fina għandna l-moħħ ta’ Kristu fil-persuna tal-Ispirtu tiegħu.

L-Ispirtu t’Alla / il-Mulej / Kristu: (Mattew 3:16; 2 Korintin 3:17; 1 Pietru 1:11) Dawn l-ismijiet ifakkruna li l-Ispirtu t’Alla tabilħaqq huwa persuna fit-Trinità Mqaddsa u allura hu Alla daqskemm il-Missier u l-Iben huma Alla. Inizjalment ġie rivelat lilna fil-ħolqien, hekk kif kien “jittajjar fuq wiċċ l-ilmijiet,” li jindika sehmu fil-ħolqien, flimkien ma’ Ġesu li “kollox sar permezz tiegħu” (Ġwanni 1:1-3). Nerġgħu naraw l-istess Alla fi Tliet Persuni fil-magħmudija ta’ Ġesù, meta l-Ispirtu niżel fuq Ġesù u nstema’ leħen il-Missier.

L-Ispirtu tal-Ħajja: (Rumani 8:2) Il-frażi “l-Ispirtu tal-ħajja” tfisser li l-Ispirtu s-Santu huwa dak li jipproduċi jew jagħti l-ħajja, mhux li jibda s-salvazzjoni, imma aktarx li jsawwab ħajja ġdida. Meta nirċievu l-ħajja eterna permezz ta’ Kristu, l-Ispirtu jipprovdi l-ikel Spiritwali, is-sostenn tal-ħajja spiritwali. Anke hawn, għal darb’ oħra, naraw il-ħidma t’Alla Trinità. Aħna salvati mill-Missier permezz tax-xogħol tal-Iben, u dik is-salvazzjoni taslilna u hi sostnuta permezz tal-Ispirtu s-Santu. Għalliem: (Ġwanni 14:26; 1 Korintin 2:13) Ġesù wiegħed li l-Ispirtu kellu jgħallem lid-dixxipli “il-ħwejjeġ kollha” u jfakkarhom dak li qal sakemm kien għadu magħhom. Il-kittieba tal-Patt il-Ġdid kienu mmexxija mill-Ispirtu biex jiftakru u jifhmu l-istruzzjonijiet li Ġesù ta għall-bini u l-organizzazzjoni tal-knisja, id-dottrini dwaru, id-direttivi għal għejxien ġust, u r-rivelazzjoni tal-ħwejjeġ li għad jiġu.

Xhud: (Rumani 8:16; Ebrej 2:4; 10:15) L-Ispirtu hu msejjaħ “xhud” għaliex jivverifika u jixhed għall-fatt li aħna tfal t’Alla, li Ġesù u d-dixxipli li ħadmu l-mirakli ntbagħtu minn Alla, u li l-kotba tal-Bibbja huma spirati b’mod divin. Aktar minn hekk, filli jagħti doni lill-fidili, jagħti xhieda lilna u lid-dinja li aħna l-fidili nappartienu għal Alla.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhuma l-ismijiet u t-titli tal-Ispirtu s-Santu?
© Copyright Got Questions Ministries