Mistoqsija
L-Ispirtu s-Santu x’jagħmel?
Tweġiba
Il-Bibbja hi ċarissma: l-Ispirtu s-Santu huwa attiv fid-dinja tagħna. Xorta waħda nkunu korretti kieku l-Ktieb tal-Atti, li ġieli nsibuh bit-titlu itwal ta’ “L-Atti tal-Apppostli,” insejħulu “L-Atti tal-Ispirtu s-Santu permezz tal-Appostli.” Wara l-era appostolika, saru xi tibdiliet—pereżempju, l-Ispirtu m’għadux jispira l-Iskrittura—però għadu jwettaq ħidmietu fid-dinja.
L-ewwel nett, l-Ispirtu s-Santu jagħmel ħafna ħwejjeġ fil-ħajja tal-kredenti. Huwa l-Paraklitu tal-fidili. Jgħammar fil-fidili u jissiġillahom sal-jum tal-fidwa—dan jindika li l-preżenza tal-Ispirtu s-Santu fil-fidil ma titteħidtx lura. Huwa jgħasses u jiggarantixxi s-salvazzjoni ta’ dawk li fihom jgħammar (Efesin 1:13; 4:30). L-Ispirtu s-Santu jassisti l-fidili fit-talb (Ġuda 1:20) u “jinterċiedi għall-poplu t’Alla skont ir-rieda t’Alla” (Rumani 8:26–27).
L-Ispirtu s-Santu jwelled mill-ġdid u jġedded lill-fidil (Titu 3:5). Fil-mument tas-salvazzjoni, l-Ispirtu jgħammed lill-fidil fil-ġisem ta’ Kristu (Rumani 6:3). Il-kredenti jirċievu t-twelid ġdid bil-qawwa tal-Ispirtu (Ġwanni 3:5–8). L-Ispirtu jfarraġ lill-fidili bil-ferħ u bix-xirka hekk kif jgħaddu minn dinja ostili (1 Tessalonkin 1:6; 2 Korintin 13:14). Fis-setgħa tiegħu, l-Ispirtu jimla lill-fidili “b’kull ferħ u sliem” hekk kif jafdaw fis-Sid, u jikkawża li “joktru fit-tama” (Rumani 15:13).
Is-santifikazzjoni hi ħidma oħra tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tal-fidil. L-Ispirtu jieqaf kontra l-laħam u x-xewqat tal-ġisem u jmexxi lill-fidil fil-ġustizzja (Galatin 5:16–18). L-għemejjel tal-ġisem isiru inqas evidenti, u l-frott tal-Ispirtu aktar ovvji (Galatin 5:19–26). Il-fidili huma kmandati sabiex ikunu “mimlijin bl-Ispirtu” (Efesin 5:18), jiġifieri li għandhom iċedu lilhom infushom għall-kontroll sħiħ tal-Ispirtu.
L-Ispirtu s-Santu huwa wkoll donatur ta’ għotjiet. “Issa hemm diversità ta’ doni, imma l-istess Spirtu” (1 Korintin 12:4). Id-doni spiritwali li l-fidil għandu huma mogħtija mill-Ispirtu s-Santu u ddeterminati minnu fl-għerf tiegħu (vers 11).
L-Ispirtu s-Santu jaħdem ukoll fost il-miskredenti. Ġesù wiegħed li kellu jibgħat l-Ispirtu s-Santu sabiex “jikkonvinċi lid-dinja rigward id-dnub, u rigward il-ġustizzja, u rigward il-ġudizzju” (Ġwanni 16:8). L-Ispirtu jixhed dwar Kristu (Ġwanni 15:26), hekk kif jipponta lin-nies lejn il-Mulej. Bħalissa, l-Ispirtu s-Santu qiegħed ukoll irażżan id-dnub u jikkumbatti kontra “il-misteru tal-illegalità” fid-dinja. Din l-azzjoni trażżan il-qawmien tal-Antikrist u żżommu ’l bogħod (2 Tessalonkin 2:6–10).
L-Ispirtu s-Santu għandu rwol importanti ieħor, u dan hu li jagħti l-għerf lill-fidili biex bih nistgħu nifhmu ’l Alla. “Għax Alla lilna rrivelahom, permezz tal-Ispirtu; għax l-Ispirtu jfittex kollox, saħansitra l-ħwejjeġ fondi t’Alla. Għax min mill-bnedmin jaf il-ħsibijiet tal-bniedem ħlief l-ispirtu ta’ dak il-bniedem li hu fih? Hekk ukoll il-ħsibijiet t’Alla ħadd ma jafhom ħlief l-Ispirtu t’Alla.” (1 Korintin 2:10–11). Billi ngħatajna dar-rigal meraviljuż tal-Ispirtu t’Alla fina nfusna, kapaċi nifhmu l-ħsibijiet t’Alla, kif inhuma rivelati fl-Iskrittura. L-Ispirtu jgħinna nifhmu. Dan hu l-għerf mingħand Alla, aktarx minn għerf mill-bniedem. Ebda ammont t’għerf uman ma jista’ qatt jieħu post it-tagħlim tal-Ispirtu s-Santu (1 Korintin 2:12–13).
English
L-Ispirtu s-Santu x’jagħmel?