settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhi d-dagħwa kontra l-Ispirtu s-Santu?

Tweġiba


Il-konċett tad-“dagħwa kontra l-Ispirtu s-Santu” jissemma f’Marku 3:22–30 u Mattew 12:22–32. Ġesù kien għadu kif għamel miraklu. Raġel indemonjat inġieb quddiem Ġesù, u l-Mulej keċċa ’l barra lid-demonju, u kkura lir-raġel għami u mutu. Ix-xhieda okulari ta’ dan l-eżorċiżmu bdew jitħassbu jekk Ġesù kienx tabilħaqq il-Messija li kienu qed jistennew. Numru ta’ Fariżej li semgħu d-diskors dwar il-Messija, malajr sikktu l-ewwel sinjali ta’ fidi fil-folla: “Dan ma jixħitx ’il barra d-demonji ħlief b’Beelżebul, il-ħakkiem tad-demonji,” qalu (Mattew 12:24).

Ġesù kkonfuta lill-Fariżej bi ftit argumenti loġiċi għala hu ma kienx qed ikeċċi ’l barra d-demonji bis-setgħa ta’ Satana (Mattew 12:25–29). Imbagħad jitkellem dwar id-dagħwa kontra l-Ispirtu s-Santu: “Ngħidilkom, kull dnub u dagħwa tkun maħfura lill-bnedmin, imma d-dagħwa kontra l-Ispirtu mhix se tkun maħfura. U kull min jitkellem kelma kontra Bin il-Bniedem se tinħafirlu; imma kull min jitkellem kontra l-Ispirtu s-Santu ma tinħafirlux, la f’daż-żmien u lanqas f’li ġej” (versi 31–32).

Il-kelma “dagħwa” ġeneralment nistgħu niddefinixxuha bħala “irriverenza sfidanti.” It-terminu jista’ jkun applikat għal dnubiet bħad-dagħa b’Alla jew id-degradazzjoni volontarja tal-ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu m’Alla. Id-dagħwa hi wkoll meta wieħed jattribwixxi xi ħażen lil Alla jew iċaħħdu minn xi tajjeb li jistħoqqlu. Madankollu, dal-każ partikolari ta’ dagħa, f’Mattew 12:31, huwa msejjaħ “id-dagħwa kontra l-Ispirtu s-Santu.” Il-Fariżej, wara li raw b’għajnejhom prova inkonfutabbli li Ġesù kien qed jagħmel mirakli bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, minflok emmnu klejmjaw li s-Sid kien possedut mid-demonju (Mattew 12:24). Innota li f’Marku 3:30 Ġesù jispeċifika x’kienu qed jagħmlu l-Fariżej meta kienu qed jidgħu kontra l-Ispirtu s-Santu: “Għax kienu qed jgħidu, ‘Għandu spirtu impur.’”

Id-dagħwa kontra l-Ispirtu s-Santu tirreferi għall-akkuża li Ġesù Kristu kien possedut minn demonju minflok mimli bl-Ispirtu. Illum dit-tip ta’ dagħwa ma tistax tkun ripetuta bl-istess mod bħal fi żmien Ġesù. Il-Fariżej kienu f’mument uniku fl-istorja: kellhom il-Liġi u l-Profeti, kellhom l-Ispirtu s-Santu jċaqalqilhom qlubhom, kellhom lil Bin Alla nnifsu wieqaf hemm quddiemhom, u raw b’għajnejhom stess il-mirakli li għamel. Qatt qabel (u lanqas wara) fl-istorja tad-dinja ma ngħata daqshekk dawl divin lill-bnedmin; jekk xi ħadd kellu jagħraf lil Ġesù għal dak li tassew hu, ċertament imisshom kienu l-Fariżej. Madankollu għażlu li jisfidaw. Attribwew apposta l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu lix-xitan, avolja kienu jafu l-verità u kellhom l-evidenza. Ġesù ddikjara l-għamad deliberat tagħhom bħala wieħed li ma jinħafirx. Id-dagħwa tagħhom kontra l-Ispirtu s-Santu kienet ir-rifjut finali tal-grazzja t’Alla. Iffissaw il-korsa tagħhom, u Alla kien se jħallihom ibaħħru sat-telfien bla ma jostakolahom.

Ġesù qal lill-folla li d-dagħwa kontra l-Ispirtu s-Santu tal-Fariżej “ma tinħafirx, la f’daż-żmien u lanqas f’li ġej” (Mattew 12:32). Hu mod ieħor kif jgħid li dnubhom ma kienx se jinħafer, qatt. La issa, u lanqas fl-eternità. Bħalma jpoġġiha f’Marku 3:29, “Huma ħatja ta’ dnub etern.”

Ir-riżultat immedjat taċ-ċaħda pubblika ta’ Kristu tal-Fariżej (u t-twarrib tagħhom minn Alla) jidher fil-kapitlu ta’ wara. Għall-ewwel darba, Ġesù “kellimhom ħafna ħwejjeġ bil-parabboli” (Mattew 13:3; ara Marku 4:2). Id-dixxipli tħawdu kif Ġesù biddel il-metodu tiegħu ta’ kif jgħallem, u Ġesù kellu jispjega l-użu tiegħu tal-parabboli: “Lilkom hu mogħti li tkunu tafu l-misterji ta’ saltnet is-smewwiet, imma ’l dawk mhuwiex mogħti . . . Filwaqt li jaraw ma jarawx, u għalkemm jisimgħu ma jisimgħux, u lanqas jifhmu” (Mattew 13:11, 13). Bħala riżultat tad-denunzja uffiċjali tal-mexxejja Lhud fil-konfront tiegħu Ġesù beda jgħatti l-verità bil-parabboli u l-metafori. Ħaġa oħra, id-dagħwa kontra l-Ispirtu s-Santu ma tistax tkun ripetuta llum il-ġurnata, għalkemm xi wħud jipprovaw. Ġesù Kristu mhuwiex fuq l-art—jinsab bilqiegħda fuq il-leminija t’Alla. Ħadd ma jista’ jara lil Ġesù jagħmel xi miraklu u mbagħad jattribwixxi dik is-setgħa lil Satana minflok lill-Ispirtu s-Santu.

Illum id-dnub li ma jinħafirx huwa l-istat ta’ inkredulità kontinwa. Bħalissa l-Ispirtu jikkonvinċi lid-dinja mitlufa rigward id-dnub, u rigward il-ġustizzja, u rigward il-ġudizzju (Ġwanni 16:8). Li ‘tidgħi’ bl-Ispirtu s-Santu hu li tirreżisti dik it-tixlija u intenzjonalment tagħżel li tibqa’ bla indiema. Għall-persuna li tirriġetta t-tqanqil tal-Ispirtu biex tafda fi Kristu u tmut fl-inkredulità m’hemmx maħfra, la f’daż-żmien u lanqas fiż-żmien li ġej. L-imħabba t’Alla evidenti: “Għax Alla hekk ħabb id-dinja, illi ta l-uniku Iben tiegħu, sabiex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja eterna” (Ġwanni 3:16). L-għażla ċara: “Min jemmen fl-Iben għandu l-ħajja eterna; imma min ma jobdix lill-Iben mhux se jara l-ħajja, iżda r-rabja t’Alla tibqa’ fuqu” (Ġwanni 3:36).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhi d-dagħwa kontra l-Ispirtu s-Santu?
© Copyright Got Questions Ministries