Mistoqsija
Min se jmur il-ġenna?
Tweġiba
Il-bnedmin għandhom ideat differenti dwar il-ġenna. Ħafna assolutament m’għandhomx fehma tajba dwar Alla iżda xorta jippreferu jaħsbu dwar il-ġenna bħala dak “il-post aħjar” fejn ilkoll imorru meta mmutu. L-ideat dwar il-ġenna spiss mhuma xjn ħlief tamiet fiergħa, fuq l-istess livell ta’ “forsi xi darba nirbaħ il-lotterija.” Ħafna nies ma tantx jikkoppaw dwar il-ġenna sakemm jattendu xi funeral jew xi maħbub tagħhom imut. Hija ħaġa popolari li jirreferu għall-ġenna bħala l-post fejn “in-nies twajba jmorru.” U ovvjament, dawk kollha li jafu u jħobbu huma inklużi fil-kategorija ta’ “nies twajba.”
Però l-Bibbja għandha ħafna xi tgħid dwar il-ħajja wara l-mewt, u dan jikkontradixxi l-opinjoni popolari. Ġwanni 3:16 jgħid, “Għax Alla hekk ħabb id-dinja, illi ta l-uniku Iben tiegħu, sabiex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja eterna.” Imbagħad f’vers 36, Ġesù jkompli jgħid, “Min jemmen fl-Iben għandu l-ħajja eterna; imma min ma jobdix lill-Iben mhux se jara l-ħajja, iżda r-rabja t’Alla tibqa’ fuqu.” Ebrej 9:27 jgħid, “U bħalma l-bnedmin huma appuntati li jmutu darba, u wara dan jiffaċċjaw il-ġudizzju.” Skont dawn il-vrus, kulħadd se jmut, iżda mhux kulħadd għad imur il-ġenna (ara wkoll Mattew 25:46; Rumani 6:23; Luqa 12:5; Marku 9:43).
Alla huwa qaddis u perfett. Il-ġenna, l-għamara tiegħu, hi post qaddis u perfett (Salmi 68:5; Neħemija 1:5; Rivelazzjoni 11:19). Skont Rumani 3:10, “m’hemm ebda bniedem ġust, lanqas biss wieħed.” Ebda bniedem mhux qaddis u perfett. Ħadd mhux “tajjeb biżżejjed” għall-ġenna. Il-bnedmin li nsejħulhom “tajbin” mhuma tajbin xejn imqabbla mal-perfezzjoni pura t’Alla. Kieku Alla jippermetti bnedmin midinbin jidħlu l-ġenna, il-post ma jibqax aktar perfett. Mela xi standard irid jintuża biex ikun determinat min hu “tajjeb biżżejjed?” L-istandard t’Alla hu l-uniku standard li jgħodd, u hu diġà qata’ d-deċiżjoni. Rumani 3:23 jgħid li “kollha dinbu u jonqsu mill-glorja t’Alla.” U l-ħlas ta’ dak id-dnub huwa s-separazzjoni eterna minn Alla (Rumani 6:23).
Id-dnub irid ikun ikkastigat, inkella Alla ma jkunx ġust (2 Tessalonkin 1:6). Il-ġudizzju li mal-mewt naffaċċjaw huwa sempliċement Alla li jara l-kontijiet tagħna u jaqta’ s-sentenza għar-reati tagħna kontrih. M’għandniex mod kif il-ħażen nagħmluh tajjeb. It-tajjeb tagħna ma jegħlibx il-ħażen tagħna. L-istess bħalma qatra velenu f’tazza ilma tivvalena t-tazza kollha, hekk dnub wieħed jirrovina l-perfezzjoni.
Għalhekk, Alla sar bniedem u ħa l-kastig tagħna fuqu nnifsu. Ġesù hu Alla fil-ġisem. Għex ħajja impekkabbli f’ubbidjenza lejn il-Missier (Ebrej 4:15). Fih ma nstab ebda dnub, madankollu fuq is-salib ħa dnubna u għamlu tiegħu. Ladarba ħallas il-prezz għal dnubna, nistgħu nkunu ddikjarati qaddisa u perfetti (2 Korintin 5:21). Meta nistqarru dnubietna lilu u nitolbu l-maħfra tiegħu abbażi tas-sagrifiċċju fuq il-Kalvarju, hu jsalvana. Qisu jistampa “Kollox Imħallas” fuq il-kont tad-dejn tagħna, dejn li jikkonsisti fl-għadd sħiħ ta’ dnubietna (ara Atti 2:38; 3:19; 1 Pietru 3:18).
Meta jum wieħed għad nieqfu quddiem Alla, mhux se jkun possibbli nitkarrbu biex nitħallew nidħlu l-ġenna abbażi tal-mertu tagħna nfusna. M’għandna xejn x’noffru. Imqabbla mal-istandard tal-qdusija t’Alla, ebda wieħed minna mhu tajjeb biżżejjed. Pero Ġesù hu tajjeb biżżejjed; bil-mertu tiegħu, u tiegħu waħdu, jirnexxilna nidħlu l-ġenna. L-1 Korintin 6:9–11 jgħid, “Jew ma tafux illi l-inġusti mhumiex se jirtu saltnet Alla? Titqarrqux: la ż-żienja, la l-idolatri, la l-adulteri, la l-effemminati, la l-omosesswali, la l-ħallelin, la r-rgħab, la s-sakranazzi, la nies kalunnjużi u lanqas l-imbroljuni mhuma se jirtu saltnet Alla. U hekk kontu xi wħud minnkom, iżda intom inħsiltu, iżda intom kontu mqaddsin, iżda intom kontu ġustifikati f’isem is-Sid Ġesù Kristu u fl-Ispirtu t’Alla tagħna.” Is-sagrifiċċju ta’ Ġesu jgħatti kollox.
Il-bnedmin li jmorru l-ġenna huma kollha xorta f’aspett wieħed: huma midinbin li poġġew il-fidi tagħhom fil-Mulej Ġesù Kristu (Ġwanni 1:12; Atti 16:31; Rumani 10:9). Irrikonoxxew il-bżonn tagħhom ta’ Salvatur u aċċettaw b’umiltà l-offerta ta’ maħfra t’Alla. Nidmu mill-istili ta’ ħajja qadima li kienu jgħixu; bidlu l-korsa tagħhom. Issa jsegwu lil Kristu (Marku 8:34; Ġwanni 15:14). M’ażżardawx jimmeritaw il-maħfra t’Alla imma qdew bil-ferħ minn qlub grati (Salmi 100:2). It-tip ta’ fidi li ssalva lill-individwu hija dik li tittrasformalu ħajtu (Ġakbu 2:26; 1 Ġwanni 3:9–10) u tistrieħ kollha kemm hi fuq il-grazzja t’Alla.
Trid tkun taf biċ-ċert jekk intix fost dawk li għad imorru l-ġenna? Jekk jogħġbok aqra l-artiklu li jmiss: Sejjer il-ġenna - Kif nista’ niggarantixxi d-destinazzjoni eterna tiegħi?
English
Min se jmur il-ġenna?