settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhu s-sinifikat ta’ Malta fil-Bibbja?

Tweġiba


Malta (imsejħa wkoll Melita) hija gżira fil-Baħar Mediterran madwar sittin mil fin-Nofsinhar ta’ Sqallija. Il-gżira twila sbatax-il mil u disa’ wiesa’. Tissemma fl-Iskrittura bħala l-post fejn Pawlu kien nawfragat fil-vjaġġ tiegħu lejn Ruma (Atti 28:1). F’dawk iż-żminijiet Malta kienet tifforma parti mill-Imperu Ruman u mmexxija minn uffiċjal ewlieni bl-isem ta’ Publiju (vers 7).

Malta hi sinifikanti fil-Bibbja għaliex Alla nqeda bin-nawfraġju u bl-istatus ta’ Pawlu bħala priġunier Ruman biex iwassal il-vanġelu lil nies li altrimenti ma kinux jisimgħuh. Luqa jirrekordja n-nawfraġju f’ċertu dettall fl-Atti 28, u jgħid li n-nies tal-post kienu benevolenti u twajba lejn l-ekwipaġġ u l-passiġġieri nawfragati. Meta waslu max-xatt tawhom kenn, ikel, u ospitalità.

Fil-lejl tan-nawfraġju f’Malta, Pawlu kien qed jiġbor gozz zkuk biex ikebbes in-nar fuq ix-xtajta. Kif waddabhom fin-nar, ħarġet lifgħa u gidmitlu idu (Atti 28:1–3). Il-Maltin bdew jgħidu li l-allat kienu qed jikkastigawh għal xi omiċidju jew xi reat simili (vers 4), imma meta ma ġarrab ebda ħsara, iddeċidew li kien xi alla (versi 5–6). L-uffiċjal ewlieni ta’ Malta mbagħad ħa ħsieb lil Pawlu u ’l sħabu għal tlett ijiem. Waqt li kien f’daru, Pawlu kellu l-opportunità li jfejjaq lill-missier l-uffiċjal, li kien marid bid-deni u d-disenterija. Wara ftit, il-bqija tal-indiġeni ġabu l-morda tagħhom għand Pawlu biex ifejjaqhom, u kkurahom (versi 7–10).

Pawlu, li teknikament kien għadu priġunier Ruman, baqa’ Malta għal tliet xhur sħaħ sakemm bastiment ieħor seta’ jeħodhom lejn Ruma. Il-mirakli li wettaq kisbu r-rispett tal-Maltin lejh u lejn l-evanġelju. Ir-relazzjoni ta’ Pawlu mal-Maltin tant kienet fil-qrib li meta l-bastiment l-ieħor kien lest biex jittrasportahom lejn Ruma, in-nies fornew lill-missjonarji bil-provvisti għall-bżonnijiet kollha tagħhom u xtaqulhom il-vjaġġ it-tajjeb (Atti 28:10).

Dak li ġara f’Malta huwa importanti għaliex juri b’mod ċar eżempju ieħor ta’ kif Alla juża d-diżastri biex iġib fis-seħħ il-pjan tiegħu. Pawlu kien arrestat. Kien priġunier. Imbagħad il-bastiment li fuqu kien qed jivjaġġa nqabad f’maltempata xejn żgħira. Għal ġimgħatejn sħaħ il-baħrin issaraw fit-tempesta, u bilkemm kielu u raqdu (Atti 27:14–20). Imbagħad il-bastiment inkalja fuq sikka u tkisser. Dawk kollha abbord kellhom jgħumu sax-xatt. Ebda waħda minn dawk l-avvenimenti ma kienet tajba fiha nfisha. Però, kif Pawlu stess kiteb ftit qabel, “Kollox jaħdem flimkien għall-ġid ta’ dawk li jħobbu ’l Alla, għal dawk li huma msejħin skont l-għan tiegħu” (Rumani 8:28). Xatt il-baħar li n-nawfragi sabu kien dak ta’ Malta. Il-Maltin qatt ma kienu semgħu l-evanġelju. Alla f’għerfu niseġ kollox flimkien sabiex l-evanġelist prim tiegħu jispiċċa fuq xatt pajjiżhom, mingħajr il-possibbiltà li jitlaq, sakemm il-gżira kollha tkun semgħet l-evanġelju.

F’Malta, Pawlu ngidem minn serp velenuż. Missier l-uffiċjal ewlieni kien marid għall-mewt (Atti 28:3, 8). Dawn iż-żewġ avvenimenti traġiċi saru opportunitajiet għal Alla biex juri l-qawwa tiegħu, u jirrivela lilu nnifsu lil dawk li ma kinux jafuh. Alla uża l-priġunerija, nawfraġju, gidma ta’ serp, u marda biex iwettaq il-pjan tajjeb tiegħu. Tul dan kollu, il-messaġġ t’Alla lil Pawlu kien, “Tibżax” (Atti 27:24).

Dawk il-ħwejjeġ li l-avversarju jaħseb għad-deni, Alla kapaċi jdawwarhom għall-ġid u għas-salvazzjoni ta’ ħafna (qabbel ma’ Ġenesi 50:20). Ħafna Maltin emmnu fil-Mulej Ġesù Kristu. Alla għadu juża t-traġedji f’ħajjitna biex iwettaq il-pjan tajjeb tiegħu. Meta nafdaw ħajjitna f’idejh, l-ebda avveniment, tajjeb jew ħażin, ma jinħela fix-xejn. Ebda għafsa ta’ qalb, ebda diżappunt, u ebda wġigħ mhuwa insinifikanti f’idejn il-Mulej li jaf it-tmiem mill-bidu (Isaija 46:9–11). Malta tfakkarna f’dil-wegħda.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhu s-sinifikat ta’ Malta fil-Bibbja?
© Copyright Got Questions Ministries