settings icon
share icon
Mistoqsija

Il-Kristjani jridu jibqgħu jitolbu l-maħfra għal dnubiethom?

Tweġiba


Mistoqsija li spiss titressaq hi din: “X’jiġri jekk nidneb, u mmut qabel ma jkolli l-opportunità biex nistqarr dnubi lil Alla?” Mistoqsija oħra komuni tgħid hekk: “X’jiġri jekk nikkommetti dnub, imbagħad ninsieh u qatt ma nerġa’ niftakar nistqarru ’l Alla?” Iż-żewġ mistoqsijiet huma mibnija fuq assunzjoni difettuża. Is-salvazzjoni mhix kwestjoni dwar fidili jipprovaw jistqarru u jindmu minn kull dnub li kkommettew qabel ma jmutu. Is-salvazzjoni mhix ibbażata fuq jekk Kristjan stqarrx u nidimx minn kull dnub. Veru, imissna nistqarru dnubietna ’l Alla appena nindunaw li dnibna. Madankollu, m’hemmx għalfejn noqogħdu l-ħin kollu nitolbu ’l Alla għall-maħfra. Meta nemmnu fi Kristu għas-salvazzjoni, dnubietna kollha jinħafrulna. Dan jinkludi dnubiet passati, preżenti, u futuri, kbar u żgħar. Il-fidili m’għandhomx għalfejn joqogħdu jitolbu l-maħfra jew jindmu sabiex dnubiethom jinħafrulhom. Ġesù miet biex iħallas il-piena għal dnubietna kollha, u meta jinħafru, kollha kemm huma jkunu maħfura (Kolossin 1:14; Atti 10:43).

Li neħtieġu hu li nistqarru dnubietna: “Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust sabiex jaħfer dnubietna u jnaddafna minn kull inikwità” (1 Ġwanni 1:9). Dal-vers jgħidilna biex “nistqarru” dnubietna lil Alla. Il-kelma “nistqarru” tfisser “naqblu ma’.” Meta nistqarru dnubietna ’l Alla, inkunu qed naqblu m’Alla li żbaljajna, li dnibna. Alla jaħfrilna, permezz tal-istqarrija, kontinwament minħabba l-fatt li hu “fidil u ġust.” B’liema mod hu “fidil u ġust” Alla? Hu fidil filli jaħfer id-dnubiet, kif wiegħed li jagħmel ma’ dawk kollha li jirċievu ’l Kristu bħala s-Salvatur. Huwa ġust filli japplika l-pagament ta’ Kristu għal dnubietna, filwaqt li jagħraf illi issa tneħħew.

Fl-istess waqt, l-1 Ġwanni 1:9 jindika li l-maħfra b’xi mod tiddependi fuq li nistqarru dnubietna lil Alla. Allura kif taħdem il-biċċa jekk dnubietna kollha nħafrulna fil-mument li rċevejna lil Kristu bħala Salvatur? Jidher li l-appostlu Ġwanni qed jiddeskrivi “maħfra” relazzjonali. Dnubietna kollha huma “pożizzjonalment” maħfurin hekk kif nirċievu lil Kristu bħala Salvatur. Dil-maħfra pożizzjonali tiggarantilna s-salvazzjoni tagħna u l-wegħda ta’ dħul fid-dar eterna ġewwa l-ġenna. Meta, appena mmutu, nieqfu quddiem Alla, mhuwiex se jiċħdilna d-dħul minħabba dnubietna. Din hi l-maħfra pożizzjonali.

Il-kunċett ta’ maħfra relazzjonali hu bbażat fuq il-fatt li meta nidinbu, noffendu ’l Alla u nnikktu l-Ispirtu tiegħu (Efesin 4:30). Filwaqt li Alla fl-aħħar mill-aħħar ħafrilna d-dnubiet li kkommettejna, xorta jirriżultaw f’ostakolu jew tfixkil fir-relazzjoni tagħna m’Alla. Tfajjel li jidneb konta missieru ma jitkeċċiex ’il barra mill-familja. Missier twajjeb jaħfer lil uliedu bla kondizzjoni. Fl-istess waqt, relazzjoni tajba bejn il-missier u l-iben ma tintlaħaqx sakemm ir-relazzjoni tkun irrestawrata. Dan iseħħ biss meta t-tifel jistqarr l-iżbalji tiegħu lill-missier u jitolbu skuża. Għalhekk nistqarru dnubietna ’l Alla—mhux biex inżommu s-salvazzjoni tagħna, iżda biex inġibu lilna nfusna lura f’xirka mill-qrib m’Alla li jħobbna u diġà ħafrilna.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Il-Kristjani jridu jibqgħu jitolbu l-maħfra għal dnubiethom?
© Copyright Got Questions Ministries