Mistoqsija
Xi tfisser il-Bibbja meta tirreferi għall-għarfien t’Alla?
Tweġiba
Kull okkorrenza tal-frażi għarfien t’Alla fil-Bibbja għandha tkun studjata fil-kuntest tagħha. Xi drabi l-awtur ikun qed jirreferi għall-għerf t’Alla (Rumani 11:33); drabi oħra jkun qed jirreferi għall-għarfien tagħna t’Alla (Rumani 1:28). Se niffukaw fuq dan it-tieni sens u naraw xi jfisser l-għarfien t’Alla fl-Iskrittura.
L-għarfien t’Alla ġeneralment jirreferi għall-għarfien tal-verità dwaru (Rumani 1:19–21). Skont il-Bibbja, dan l-għarfien jibda minn Alla (Proverbji 2:6). Hu jagħżel bil-grazzja li juri lilu nnifsu lill-umanità f’ħafna modi (Isaija 33:6). Hu juri lilu nnifsu lil kulħadd permezz tal-ħolqien (Salmi 19:1–2), sabiex kull persuna tkun taf tal-inqas dwar il-“qawwa eterna u n-natura divina” tiegħu (Rumani 1:20). Dan l-għarfien bażiku tat-tjieba t’Alla u r-responsabbiltà morali tagħna huwa biżżejjed biex jikkundannana talli ma nobdux il-liġi tiegħu (Rumani 1:18).
Dawk li jibżgħu minn Alla, li għandhom relazzjoni miegħu, jistgħu jikbru fl-għarfien tiegħu, għaliex hu stess jirrevela lilu nnifsu (Proverbji 1:7; Isaija 33:6). Alla juri lilu nnifsu permezz tal-Iskrittura (2 Timotju 3:16), permezz tal-poplu tiegħu (Rumani 15:14), permezz tal-Ispirtu s-Santu (Ġwanni 14:26), u permezz ta’ Ibnu, li hu x-xbieha perfetta t’Alla (Kolossin 1:15).
Fil-Bibbja, l-għarfien t’Alla huwa marbut mill-qrib mar-relazzjoni tagħna miegħu. Alla jagħti l-għarfien lil dawk li jħobbuh; imma dawk li jinjoraw dan l-għarfien jiksru r-relazzjoni miegħu (Proverbji 2:4–6; Ħosea 4:6; Rumani 1:21–25). Dan jixbaħ xi ftit ir-relazzjonijiet umani: aktar ma nersqu lejn xi ħadd, aktar insiru nafu lil dik il-persuna, u aktar ma nsiru nafuha, aktar nitqarbu lejha. Hekk kif nikbru fl-għarfien t’Alla, nitgħallmu aktar dwar ir-rieda, l-għemejjel, u l-karattru tiegħu.
Iż-żieda tal-għarfien tagħna t’Alla għandu jimmotivana biex ninbidlu, hekk kif nikkontemplaw it-tjubija, il-ħniena u l-glorja tiegħu (2 Pietru 2:20). Bħala Kristjani, aħna nikbru fl-għarfien t’Alla permezz tar-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù Kristu (2 Korintin 4:6). L-għan tagħna hu li nikbru fl-għarfien t’Alla sabiex insiru nixbhu aktar lil Ibnu. It-talba ta’ Pawlu għall-Kolossin hija eżempju sabiħ ta’ din id-dinamika:
“Minħabba f’hekk ukoll, mill-jum li smajna bikom, aħna ma hedejniex nitolbu għalikom u nissupplikaw ’l Alla sabiex timtlew bit-tagħrif tar-rieda tiegħu f’kull għerf u dehen spiritwali, ħalli timxu denjament tas-Sid, togħġbuh f’kull rispett, tagħmlu l-frott f’kull opra tajba u tikbru fil-konoxxenza t’Alla; imsaħħin b’kull setgħa, skont il-potenza glorjuża tiegħu, ħalli tiksbu kull perseveranza u paċenzja; bil-ferħ tirringrazzjaw lill-Missier, li kkwalifikakom biex tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fid-dawl” (Kolossin 1:9–12).
Fl-aħħarnett, bħala Kristjani, aħna ma nżommux l-għarfien tal-Mulej għalina nfusna. Hekk kif nikbru fl-għarfien t’Alla, aħna messna naqsmuh ma’ ħaddieħor, sabiex ikunu jistgħu jsiru jafuh ukoll. Pawlu kien lest li jbati biex iwassal l-għarfien t’Alla lil kulħadd (2 Korintin 2:14). Il-Mulej użah sabiex ikisser kull ostaklu intelletwali li jżomm lin-nies milli jiksbu l-għarfien t’Alla (2 Korintin 10:5). Bl-istess mod, aħna għandna naqsmu l-għarfien t’Alla kull fejn immorru, sabiex in-nies isiru jafuh permezz tal-grazzja ta’ Ibnu. Imbagħad, hekk kif naqdu lil xulxin fil-komunità Nisranija, nibnu lil xulxin sakemm, bil-grazzja ta’ Alla, “naslu lkoll għall-unità tal-fidi, u tat-tagħrif ta’ Bin Alla, għal raġel komplut, għall-kejl tal-istatura li tappartieni għall-milja tal-Kristu” (Efesin 4:13).
English
Xi tfisser il-Bibbja meta tirreferi għall-għarfien t’Alla?