settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhuma l-attributi t’Alla? Kif inhu Alla?

Tweġiba


L-aħbar it-tajba, aħna u nipprovaw inwieġbu dil-mistoqsija, hi illi hemm ħafna x’nistgħu niskopru dwar Alla! Dawk li jeżaminaw din l-ispjegazzjoni forsi jsibuha ta’ għajnuna illi l-ewwel jaqraw kollox, imbagħad imorru lura u jfittxu l-passaġġi Skritturali għal aktar kjarifika. Ir-referenzi mill-Bibbja huma kompletament neċessarji, għax mingħajr l-awtorità tal-Bibbja, din il-ġabra ta’ kliem ma tkunx aħjar mill-opinjoni umana, li waħidha hi sikwit żbaljata fil-fehma tagħha dwar Alla (Ġobb 42:7). Huwa importantissmu illi nipprovaw nifhmu kif inhu Alla. Jekk jgħarralna milli nagħmlu dan inkunu qed insawru allat foloz għalina nfusna, kuntrarju għar-rieda tiegħu (Esodu 20:3-5).

Biss dak li Alla għażel illi jurina nistgħu nsiru nafuh. Wieħed mill-attributi jew kwalitajiet t’Alla huwa “d-dawl,” voldiri illi hu jiżvelalna lilu nnifsu b’tagħrif dwaru nnifsu (Isaija 60:19; Ġakbu 1:17). Ir-realtà illi Alla kixfilna tagħrif dwaru nnifsu m’għandhiex tkun traskurata, biex ħadd minna ma jonqos milli jidħol fil-mistrieħ tiegħu (Ebrej 4:1). Il-ħolqien, il-Bibbja u l-Kelma li sar laħam (ċoè Ġesù Kristu) jgħinuna nsiru nafu kif inhu Alla.

Ħa nibdew billi nifhmu illi Alla hu l-Ħallieq tagħna; aħna parti mill-kreazzjoni tiegħu (Ġenesi 1:1; Salm 24:1). Alla jgħid illi l-bniedem ħalqu fuq ix-xbieha tiegħu. Il-bniedem hu ogħla mill-bqija tal-ħolqien, u ngħata dominju fuqu (Ġenesi 1:26-28). Il-ħolqien tgħarraq bil-waqgħa tal-bniedem fid-dnub, iżda xorta waħda joffri veduta ta’ xogħlijietu (Ġenesi 3:17-18; Rumani 1:19-20). Meta nikkonsidraw l-univers vast, il-kumplessità, il-ġmiel u l-ordni fil-ħolqien, niksbu sens tal-grandizza t’Alla.

Meta naqraw xi wħud mill-ismijiet t’Alla jiswielna ta’ għajnuna fit-tfittxija tagħna biex insiru nafu kif inhu Alla. Ikkonsidraw dawn li ġejjin:

Eloħim – Il-qawwi, id-divin (Ġenesi 1:1)
Adonaj – Mulej; jindika relazzjoni bejn Mgħallem u qaddej (Esodu 4:10,13)
El Eljon – l-Ogħla; l-Isħaħ (Ġenesi 14:20)
El Roj – il-Qawwi li jara (Ġenesi 16:13)
El Xaddaj – Alla Omnipotenti (Ġenesi 17:1)
El Olam – Alla dejjiemi (Isaija 40:28)
Jaħwè – Sid, il-Jien hu; ifisser Alla etern u eżistenti minnu nnifsu (Esodu 3:13-14).

Se nkomplu billi neżaminaw aktar attributi t’Alla. Alla hu etern, voldiri m’għandux bidu u l-eżistenza tiegħu qatt mhi se tintemm. Hu immortali, infinit (Dewteronomju 33:27; Salm 90:2; 1 Timotju 1:17). Alla hu immutabbli, voldiri ma jinbidilx; hu kompletament affidabbli u ta’ min jafdah (Malakija 3:6; Numri 23:19; Salm 102:26-27). Alla hu inkomparabbli, voldiri m’hemm ħadd ieħor bħalu; hu bla rival u perfett (2 Samwel 7:22; Salm 86:8; Isaija 40:25; Mattew 5:48). Hu inskrutabbli, voldiri ma nistgħux inkejluh jew nifhmuh kompletament, hu lil hinn mill-investigazzjoni umana, u impossibbli nikkomprendu mogħdijietu totalment (Isaija 40:28; Salm 145:3; Rumani 11:33-34).

Alla hu ġust, u dan ifisser illi ma jurix parzjalità, u lanqas jaqa’ għall-favoritiżmu (Dewteronomju 32:4; Salm 18:30). Alla hu omnipotenti, voldiri kapaċi jagħmel kulma jogħġbu, u xejn mhu impossibbli għalih. Frattant l-azzjonijiet tiegħu dejjem huma fi qbil mal-karattru tiegħu (Rivelazzjoni 19:6; Ġeremija 32:17,27). Alla hu omnipreżenti, voldiri jinsab kullimkien; dan ma jfissirx li Alla hu kollox (Salm 139:7-13; Ġeremija 23:23). Alla hu omnixjenti, voldiri jaf l-imgħoddi, il-preżent u l-futur, imqar x’qegħdin naħsbu fi kwalunkwe mument. Ladarba jaf kollox il-ġustizzja tiegħu dejjem se tkun amministrata b’mod rett u fer (Salm 139:1-5; Proverbji 5:21).

Alla hu wieħed, jiġifieri mhux biss qatt mhu se jkun hemm ieħor, iżda wkoll illi hu waħdu kapaċi jissodisfa l-bżonnijiet u x-xenqiet ta’ qlubna, u hu biss hu denju tal-qima u d-devozzjoni tagħna (Dewteronomju 6:4). Alla hu ġust, u allura qatt mhu se jħalli l-ħażen bla mhu kkastigat. Il-fatt illi hu ġust wasslu biex jagħtina lil Ibnu Ġesù sabiex jieħu l-kastig għal dnubietna minflokna, ħalli hekk min jemmen fih ikun jista’ jinħafer (Esodu 9:27; Mattew 27:45-46; Rumani 3:21-26).

Alla hu sovran, voldiri hu s-Sultan suprem. Il-ħolqien kollu, jekk jixxewwex kontrih, ma jistax jegħleb l-għanijiet tiegħu (Salm 93:1; 95:3; Ġeremija 23:20). Alla hu spirtu. Dan ifisser li allura hu inviżibbli (Ġwanni 1:18; 4:24). Alla hu Trinità, voldiri hu Alla wieħed fi tliet persuni distinti minn xulxin, l-istess fis-sustanza, u ugwali fil-qawwa u l-glorja. Innota illi fl-ewwel pass skritturali ċċitat dak “l-isem” hu singular avolja jirreferi għal tliet Persuni distinti – il-Missier, l-Iben u l-Isipirtu s-Santu (Mattew 28:19; Marku 1:9-11). Alla hu verità, voldiri hu fi qbil ma’ kulma hu fih innifsu, u jibqa’ inkorruttibbli u ma jistax jigdeb jew iqarraq (Salm 117:2; 1 Samwel 15:29).

Alla hu qaddis, voldiri hu sseparat minn kull tniġġis morali u huwa ostili lejh. Alla jara kull ħażen u jirrabja għalih; in-nar hu normalment imsemmi fl-Iskrittura flimkien mal-qdusija. Tiddeskrivih bħala nar li jikkonsma (Isaija 6:3; Ħabaqquq 1:13; Esodu 3:2,4,5; Ebrej 12:29). Alla hu grazzjuż – dan jinkludi wkoll it-tjieba, il-benevolenza, il-ħniena u l-imħabba – li huma kelmiet li jesprimu aspetti differenti ta’ tjubitu. Kieku mhux għall-grazzja divina l-bqija tal-attributi tiegħu jeskluduna minnu. Ħajr lil Alla, dan mhuwiex il-każ, għax jixtieq illi kull wieħed minna jsir jafu personalment (Esodu 34:6; Salm 31:19; 1 Pietru 1:3; Ġwanni 3:16; 17:3).

Dan hu biss tentattiv modest biex inwieġbu l-mistoqsija grandjuża, kif inhu Alla. Ninkuraġġuk biex tkompli tfittxu! (Ġeremija 29:13).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhuma l-attributi t’Alla? Kif inhu Alla?
© Copyright Got Questions Ministries