settings icon
share icon
Mistoqsija

Kif nista’ nsir sewwa m’Alla?

Tweġiba


Biex nidħlu f’relazzjoni sewwa m’Alla, l-ewwel u qabel kollox jeħtiġilna nifhmu x’hemm ħażin jew żmerċ. Il-problema fondamentali hi d-dnub. “M’hemm ħadd li jagħmel it-tajjeb, lanqas biss wieħed” (Salm 14:3). Irribellajna kontra Alla u l-kmandamenti tiegħu; “bħan-nagħaġ aħna lkoll żvijajna” (Isaija 53:6).

L-aħbar xokkanti hi illi l-kastig għad-dnub hu l-mewt. “Ir-ruħ li tidneb tmut” (Eżekjel 18:4). L-aħbar tajba hi illi Alla, li hu mħabba, ħa l-inizjattiva biex iwasslilna s-salvazzjoni. Ġesù ddikjara illi ġie fid-dinja proprjament biex ifittex u jsalva dak li ntilef (Luqa 19:10). L-għan tiegħu laħqu fuq is-salib; difatti ftit qabel miet għajjat, “Kollox mitmum!” (Ġwanni 19:30).

Biex nidħlu f’rabta sewwa m’Alla rridu nibdew billi nammettu sinċerament dnubietna. Imbagħad nistqarruhom umilment quddiem Alla (Isaija 57:15), b’determinazzjoni biex nabbandunaw it-triq tal-ħażen. “Għax bil-qalb wieħed jemmen għall-ġustifikazzjoni tiegħu, u bil-fomm wieħed jistqarr għas-salvazzjoni” (Rumani 10:10).

Din l-indiema jeħtieġ tkun akkumpanjata bil-fidi – speċifikament, fidi f’Ġesù, li ċeda ħajtu bħala sagrifiċċju minħabba dnubietna. Irridu wkoll nemmnu fil-qawmien mirakoluż tiegħu, li bih hu kwalifikat biex ikun is-Salvatur tagħna. “għax bil-qalb wieħed jemmen għall-ġustifikazzjoni tiegħu, u bil-fomm wieħed jistqarr għas-salvazzjoni” (Rumani 10:10). Siliet bibliċi oħra jitkellmu dwar in-neċessità tal-fidi, bħalma huma Ġwanni 20:27; Atti 16:31; Galatin 2:16; 3:11, 26; u Efesin 2:8. Biex issir sewwa m’Alla trid tirreaġixxi sewwa għal kulma wettaq Alla favur tagħna. Bagħat lil Ibnu, provda s-sagrifiċċju biex jitneħħa d-dnub (Ġwanni 1:29), u issa qed joffrilek il-wegħda illi kull min isejjaħ lil ismu jkun salvat (Atti 2:21).

Illustrazzjoni sabiħa ta’ ndiema u maħfra nsibuha fil-parabbola tal-iben il-ħali (Luqa 15:11-32). L-iben iż-żgħir berbaq l-għotja ta’ missieru f’ħajja laxka u vergonjuża (vers 13). Meta għaraf u ammetta l-ħażen tiegħu, iddeċieda li jirritorna lejn id-dar (vers 18). Assuma li mhux se jkun ikkonsidrat iżjed bħala iben (vers 19), iżda kien żbaljat. Missieru ħabbu, avolja rribella kontrih, u laqgħu fi ħdanu (vers 20). Ħafirlu kompletament, u saret ċelebrazzjoni kbira (vers 24). Alla hu tajjeb, u jonora l-wegħdi tiegħu, inkluża l-wegħda illi jaħfer lil kull min jirrikorri għandu permezz ta’ Kristu. “Is-Sid hu qrib lejn in-nies b’qalbhom maqsuma u jsalva lil dawk li huma misħuqa fl-ispirtu” (Salm 34:18).

Jekk tixtieq issir sewwa m’Alla, ikkonsidra din it-talba. Ftakar, billi tirreċta talba, b’daqshekk ma ssalvax. Biss billi tafda fi Kristu tkun salvat: hu biss kapaċi jeħilsek mid-dnub. Din it-talba hemm postha għax biha tista’ tesprimi m’Alla l-fiduċja tiegħek f’Ibnu u troddlu ħajr talli provda għas-salvazzjoni tiegħek.

It-talba hi din: “O Alla, naf illi dnibt kontrik u jixraqli l-kastig fl-infern. Iżda Ġesù Kristu ħa fuqu nnifsu l-kastig minħabba d-dnub, biex hekk, bil-fidi fih, tkun tista’ taħfirli. Inqiegħed il-fiduċja tiegħi fih għas-salvazzjoni tiegħi. Inroddlok ħajr għall-grazzja meraviljuża u l-maħfra tiegħek – l-għotja tal-ħajja eterna! Ammen.”

Ħadt deċiżjoni għal Kristu minħabba dak li qrajt hawn fuq? Jekk iva, jekk jogħġbok ikklikkja fuq il-buttuna “Jien aċċettajt lil Kristu llum” li tidher hawn taħt.


English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Kif nista’ nsir sewwa m’Alla?
© Copyright Got Questions Ministries