Mistoqsija
X’inhi l-grazzja t’Alla?
Tweġiba
Il-grazzja hi tema kostanti fil-Bibbja, u ssib il-milja tagħha fil-Patt il-Ġdid bil-miġja ta’ Ġesù (Ġwanni 1:17). Il-kelma tradotta “grazzja” fil-Patt il-Ġdid ġejja mill-kelma Griega charis, li tfisser “favur, barka, jew benevolenza.” Ilkoll kapaċi noffru l-grazzja lil xulxin; però meta l-kelma grazzja hi wżata f’konnessjoni m’Alla, tieħu sinifikat wisq aktar qawwi. Il-grazzja hi Alla li jagħżel illi jberikna aktarx milli jisħitna kif fil-fatt minħabba dnubna jistħoqqilna. Hija l-benevolenza tiegħu lill-indenji.
Efesin 2:8 jgħid, “Għax bil-grazzja intom salvati, permezz tal-fidi; u dan mhux minnkom infuskom, hu l-għotja t’Alla.” L-uniku mod li xi ħadd minna jista’ jiddaħħal f’relazzjoni m’Alla hu minħabba l-grazzja tiegħu lejna. Il-grazzja bdiet fil-Ġnien tal-Eden meta Alla qatel annimal biex jgħatti d-dnub t’Adam u Eva (Ġenesi 3:21). Seta’ qatel l-ewwel bnedmin fil-pront minħabba d-diżubbidjenza tagħhom. Però minflok qeridhom, għażel li jipprovdilhom triq biex isiru sewwa miegħu. Dak il-mudell ta’ grazzja baqa’ għaddej tul il-Patt il-Qadim meta Alla waqqaf sagrifiċċji mdemmija bħala mezz biex il-midinbin ikunu rikonċiljati miegħu. Ma kienx id-demm fiżiku ta’ dawk is-sagrifiċċji, fih innifsu, li naddaf lill-midinbin; kienet il-grazzja t’Alla li ħafret lil dawk li afdaw fih (Ebrej 10:4; Ġenesi 15:6). Bnedmin midinba wrew il-fidi tagħhom billi offrew is-sagrifiċċji li Alla rrekjieda.
L-appostlu Pawlu beda ħafna mill-ittri tiegħu bil-frażi, “Il-grazzja lilkom u s-sliem mingħand Alla Missierna u s-Sid Ġesù Kristu” (Rumani 1:7; Efesin 1:1; 1 Korintin 1:3). Alla hu l-instigatur tal-grazzja, u kull grazzja oħra tnixxi minnu.
Alla juri kemm ħniena kif ukoll grazzja, però mhumiex l-istess. Il-ħniena żżomm lura l-kastig li jistħoqqilna; il-grazzja tagħti barka li ma jistħoqqilniex. Fil-ħniena, Alla għażel li jikkanċella d-dejn tad-dnub tagħna billi ssagrifika l-Iben perfett tiegħu minflokna (Titu 3:5; 2 Korintin 5:21). Iżda hu jmur anke lil hinn mill-ħniena u jestendi l-grazzja lill-għedewwa tiegħu (Rumani 5:10). Meta naċċettaw l-offerta tiegħu u npoġġu l-fidi tagħna fis-sagrifiċċju tiegħu, hu joffrilna l-maħfra (Ebrej 8:12; Efesin 1:7), ir-rikonċiljazzjoni (Kolossin 1:19-20), il-ħajja bl-abbondanza (Ġwanni 10:10), teżor etern (Luke 12:33), l-Ispirtu s-Santu tiegħu (Luqa 11:13), u fil-futur post miegħu fil-ġenna (Ġwanni 3:16-18).
Il-grazzja hi Alla li jagħti l-ikbar teżor lil dawk li l-inqas jistħoqqilhom - jiġifieri kull wieħed u waħda minna.
English
X’inhi l-grazzja t’Alla?