settings icon
share icon
Mistoqsija

Ġesù hu l-unika triq għall-ġenna?

Tweġiba


Iva, Ġesù hu l-unika triq għall-ġenna. Dikjarazzjoni tant esklussiva tista’ tħawwad, tissorprendi, jew anke toffendi, iżda hi verità. Il-Bibbja tgħallem illi m’hemm ebda mogħdija oħra għas-salvazzjoni ħlief permezz ta’ Ġesù Kristu. Ġesù nnifsu jgħid fi Ġwanni 14:6, “Jien hu t-triq, u l-verità, u l-ħajja; ħadd ma jiġi għand il-Missier, ħlief permezz tiegħi.” Mhuwiex waħda minn ħafna toroq; hu t-triq, l-unika triq, hekk li m’hemmx oħrajn. Ħadd, irrispettivament x’inhi l-fama tiegħu, il-kisbiet, it-tagħrif speċjali, jew il-qdusija personali, mhu kapaċi jiġi għand Alla l-Missier ħlief bil-medjazzjoni ta’ Ġesù.

Ġesù hu l-unika triq għall-ġenna; naffermaw dan għal diversi raġunijiet. Ġesù kien magħżul minn Alla biex ikun is-Salvatur (1 Pietru 2:4). Ġesù hu l-uniku wieħed li niżel mis-smewwiet u rritorna hemm wara li wettaq il-missjoni tiegħu (Ġwanni 3:13). Hu l-unika persuna li għex ħajja umana perfetta (Ebrej 4:15). Hu l-uniku sagrifiċċju għad-dnub (1 Ġwanni 2:2; Ebrej 10:26). Hu waħdu wettaq il-Liġi u l-Profeti (Mattew 5:17). Hu l-uniku bniedem li għeleb il-mewt għal dejjem (Ebrej 2:14-15). Hu l-uniku Medjatur bejn Alla u l-bniedem (1 Timotju 2:5). Hu l-uniku bniedem li Alla eżaltah, voldiri għollieh sal-ogħla post u unur (Filippin 2:9).

Ġesù tkellem dwaru nnifsu bħala l-unika triq għall-ġenna f’diversi postijiet. Ippreżenta lilu nnifsu bħala l-oġġett tal-fidi f’Mattew 7:21-27. Qal illi kliemu hu ħajja (Ġwanni 6:63). Wiegħed illi n-nies li jemmnu fih ikollhom il-ħajja eterna (Ġw.3:14-15). Hu x-xatba għan-nagħaġ (Ġwanni 10:7). Hu l-ħobż tal-ħajja (Ġwanni 6:35). Hu l-qawmien (Ġwanni 11:25). Ħadd mhu kapaċi jikklejmja dawn it-titli bi dritt.

L-ippritkar tal-appostli ffoka fuq il-mewt u r-resurrezzjoni tas-Sid Ġesù. Pietru, meta indirizza lis-Sanedrin, ipproklama ċar u tond lil Ġesù bħala l-unika triq għall-ġenna. “M’hemmx salvazzjoni f’xi ħadd ieħor,” qal, “għax m’hemm ebda isem ieħor taħt is-sema mogħti fost il-bnedmin li bih jeħtieġ inkunu salvati” (Atti 4:12). Meta tkellem fis-sinagoga f’Antjokija, Pawlu pponta lejn Ġesù bħala l-uniku Salvatur. “Għalhekk ħa jkun magħruf lilkom, l-aħwa, illi permezz tiegħu l-maħfra tad-dnubiet hi mnidija lilkom, u bih kull min jemmen hu ġustifikat mill-ħwejjeġ kollha li minnhom ma stajtux tkunu ġustifikati bil-Liġi ta’ Mosè” (Atti 13:38-39). Meta kiteb lill-knisja inġenerali, Ġwanni jispeċifika l-isem ta’ Ġesù bħala l-bażi għall-maħfra tagħna. “Niktbilkom, tfal ċkejknin, għax dnubietkom inħafrulkom minħabba ismu” (1 Ġwanni 2:12). Ħadd ħlief Ġesù mhu kwalifikat biex jaħfer id-dnub.

Il-ħajja eterna fil-ġenna hi possibbli biss permezz ta’ Kristu. Ġesù talab, “Din hi l-ħajja eterna: illi jkunu jafu lilek, l-uniku Alla veru, u ’l dak li bgħatt int, Ġesù Kristu” (Ġwanni 17:3). Biex nirċievu l-għotja b’xejn tas-salvazzjoni mingħand Alla, irridu nħarsu lejn Ġesù – Ġesù biss. Jeħtiġilna nafdaw f’mewtu fuq is-salib bħala l-pagament u tpattija għal dnubietna; jeħtiġilna nemmnu fil-qawmien tiegħu. “Imma issa, apparti l-liġi, il-ġustizzja t’Alla hi manifestata, mixhuda mil-Liġi u l-Profeti, iva, il-ġustizzja t’Alla permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu għal dawk kollha li jemmnu” (Rumani 3:21-22).

Fi stadju minnhom tul il-ministeru ta’ Ġesù, ħafna mill-folla kienu qed jagħtuh daharhom u jitilquh, bit-tama li jsibu salvatur ieħor. Ġesù staqsa lit-Tnax, “Jaqaw intom ukoll tridu tmorru?” It-tweġiba ta’ Pietru hi eżattament korretta: “Sid, għand min se mmorru? Int għandek kliem il-ħajja eterna, u aħna emminna u sirna nafu illi int il-Qaddis t’Alla” (Ġwanni 6:67-69). Jalla lkoll ningħataw il-fidi ta’ Pietru illi l-ħajja eterna tinsab biss f’Ġesù Kristu.

Ħadt deċiżjoni għal Kristu minħabba dak li qrajt hawn fuq? Jekk iva, jekk jogħġbok ikklikkja fuq il-buttuna “Jien aċċettajt lil Kristu llum” li tidher hawn taħt.


English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Ġesù hu l-unika triq għall-ġenna?
© Copyright Got Questions Ministries