settings icon
share icon
Mistoqsija

Bħalissa fejn jinsab Ġesù? Ġesù qiegħed fil-ġenna?

Tweġiba


Skont Marku 16:19 u l-1 Pietru 3:22, bħalissa Ġesù jinsab il-ġenna fuq il-leminija t’Alla l-Missier. Luqa 24:51 u l-Atti 1:9-11 jiddeskrivu l-axxensjoni korporali ta’ Ġesù, li ġrat 40 jum wara r-resurrezzjoni tiegħu. Ġesù kien qal lid-dixxipli tiegħu li kellu jmur u jipprepara post għalihom u għall-fidili kollha (Ġwanni 14:2–3).

Mill-Iskrittura naraw biċ-ċar li l-axxensjoni ta’ Ġesù kienet ritorn litteru u korporali lejn is-sema. Ittella’ mill-art u ntlaqa’ fi sħaba waqt li d-dixxipli tiegħu u spettaturi mistgħaġba oħra ċċassaw b’meravilja. Imbagħad dehru żewġ anġli u wegħduhom li l-Kristu kellu jirritorna “bil-mod kif osservajtuh sejjer fis-sema” (Atti 1:11). Dan kien it-tmiem tal-limitazzjonijiet umani li Ġesù kellu waqt il-ministeru terrestri tiegħu, meta l-glorja divina tiegħu kienet mistura. Il-glorja smewwitija ġiet lura – glorja li ftit minnha dehret waqt it-Trasfigurazzjoni (Mattew 17:1–9).

Is-Sultan David fl-Ispirtu qal, “Is-Sid jgħid lill-Mulej tiegħi: ‘Poġġi fuq idi l-leminija sakemm inqiegħed l-għedewwa tiegħek bħala mirfes għal saqajk.’” (Salmi 110:1). Litteralment dal-vers jgħid, “Jaħwè jgħid lil Adonàj.” Din konversazzjoni rimarkevoli bejn żewġ Persuni tad-Divinità. F’Mattew 22:43–45, Ġesù japplika das-salm għalih innifsu, u jikklejmja li hu wisq aktar minn sempliċement bin David – infatti hu Sid David. Post Ġesù hu fuq id il-leminija t’Alla, il-post ta’ ġieħ divin.

Passaġġi oħra li jindikaw il-preżenza ta’ Ġesù fil-ġenna huma Mattew 26:64; Luqa 22:69; Efesin 1:20; Kolossin 3:1; Ebrej 12:2; u Rivelazzjoni 5:7. Stiefnu, qabel miet, kellu viżjoni fejn “iċċassa lejn is-sema u ra l-glorja t’Alla, u ’l Ġesù wieqaf fuq il-leminija t’Alla” (Atti 7:55).

Mela, biblikament, Ġesù jinsab f’post attwali msejjaħ il-ġenna, post ta’ glorja fejn jgħammar Alla flimkien mal-anġli u l-ulied mifdija tiegħu. F’sens ieħor, Ġesù jinsab ukoll hawn magħna fid-dinja. Għax hu Alla, Ġesù għandu l-attributi kollha t’Alla, fosthom l-omnipreżenza. Allura, Ġesù u l-Missier u l-Ispirtu s-Santu jinsabu kullimkien mhux biss “fil-ġenna.” Kif qal Salamun fit-2 Kronaki 2:6, “is-sema, u s-sema tas-smewwiet, ma jesgħuhx.”

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Bħalissa fejn jinsab Ġesù? Ġesù qiegħed fil-ġenna?
© Copyright Got Questions Ministries