Mistoqsija
Il-Frott tal-Ispirtu s-Santu – x’inhu s-sliem?
Tweġiba
Fir-Rumani 12:18, Pawlu jeżorta, “Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, għixu fis-sliem mal-bnedmin kollha.” Tana eżempju perfett tar-rwol tagħna fil-frott tal-Ipsirtu msemmi fil-Galatin 5:22-23. Irridu nissottomettu r-rieda tagħna għat-tmexxija u l-azzjonijiet tal-Kelma t’Alla, imma r-riżultati proprji jiddependu minnu. Alla waħdu kapaċi joħloq is-sliem permezz tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, is-sliem imsemmi fil-Galatin 5, is-sliem li ġej minn relazzjoni armonjuża m’Alla.
Nitwieldu fi gwerra. Fit-twelid, in-natura tagħna diġà tkun iddikjarat gwerra kontra Alla u l-verità tiegħu. Xewqet qalbna hi li nkunu sseparati minnu, u jekk nibqgħu nippersistu f’dix-xewqa sal-mewt, hu jagħtina dak li rridu.
Imma l-metodi tal-iggwerrar t’Alla mhumiex dawk li stennejna. Minflok battalja, bagħtilna l-Prinċep tas-Sliem (Isaija 9:6). L-għan ta’ Ġesù li għalih ġie f’did-dinja kien wisq aktar milli jwaqqaf l-ostilitajiet. Ġie biex iġib relazzjoni ta’ restawr, ta’ mħabba sħiħa u permanenti. Il-prezz ta’ dan is-sliem kien ħajtu (Isaija 53:5).
Però, bl-istess mod li ma nistgħux nisforzaw lil xi ħadd jitħabbeb magħna, anke s-sagrifiċċju ta’ Ġesù fuq is-salib ma assigurax li aħna naċċettaw it-termini tiegħu tas-sliem. Rumani 3:10-11 jispjega, “M’hemm ebda bniedem ġust, lanqas biss wieħed; m’hemm ħadd min jifhem, m’hemm ħadd min ifittex lil Alla.” Ħadd minna ma jista’ jaċċetta l-offerta ta’ Ġesù għas-sliem bir-rieda jew saħħa tagħna. In-natura umana tagħna nfusna ma tridhiex. Alla biss kapaċi jmexxina biex nixtiequ s-sliem miegħu; l-Ispirtu s-Santu jmexxina biex nixtiequ ’l Ġesù u l-messaġġ tiegħu. Ladarba l-Ispirtu jiġbidna, nemmnu f’Ġesù, u s-sliem jiġi. “Mela, ladarba aħna ġustifikati bil-fidi, għandna s-sliem m’Alla permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu” (Rumani 5:1).
Madankollu, il-frott tal-Ispirtu jinkludi sliem li jmur oltre dak tas-salvazzjoni. Huwa relazzjoni ħelwa. Aħna msejħin għall-preżenza tiegħu (Efesin 2:11-18) u msejħin sabiex inkunu kunfidenti f’dik il-preżenza (Ebrej 4:16) billi aħna ħbiebu (Ġwanni 15:15). Bħalma Isaija 26:3 jgħid, “Int iżżommu fis-sliem perfett min moħħu jistrieħ bik, għax jittama fik.”
Is-sliem t’Alla jiżboq il-ħwejjeġ terrestri kollha, kif inhu illustrat fil-Filippin 4:4-7. Il-fidili m’għandhom għalfejn ikunu ansjużi dwar xejn, għaliex Alla jwiegħed li “se jgħassilkom qlubkom u mħuħkom fi Kristu Ġesù.” Huwa sliem “li jissupera kull fehma,” jiġifieri, għall-moħħ karnali, sliem bħal dan huwa inkomprensibbli. Is-sors tiegħu hu l-Ispirtu s-Santu t’Alla, li dinja la tara u lanqas taf bih (Ġwanni 14:17).
Il-Kristjan mimli bl-Ispirtu jgawdi sliem abbondanti, f’kull sitwazzjoni, differenti minn kwalunkwe ħaġa li d-dinja tista’ toffri (Ġwanni 14:27). L-alternattiva bejn li tkun mimli bl-Ispirtu u bis-sliem tiegħu hu li tkun mimli b’paniku, mimli dubji, mimli ansjetà, jew mimli bil-biża’. Kemm ikun aħjar li nħallu l-Ispirtu jieħu kontroll u jwettaq ħidmietu filli jkabbar il-frott għall-glorja t’Alla!
English
Il-Frott tal-Ispirtu s-Santu – x’inhu s-sliem?