settings icon
share icon
Mistoqsija

Il-Frott tal-Ispirtu s-Santu – X’inhu l-ferħ?

Tweġiba


Litteralment, “il-frott tal-Ispirtu s-Santu” hu dak li jseħħ meta l-Ispirtu s-Santu jgħammar fil-fidil. Il-“frott” huwa l-prodott ta’ karattru koltivat mill-Ispirtu s-Santu fil-qalb tal-fidil. Galatin 5:22-23 jiddeskrivi x’inhu dak il-frott; it-tieni karatteristika hu l-ferħ.

Il-kelma Griega għall-ferħ hi chara. Il-ferħ hu r-reazzjoni naturali għall-ħidma t’Alla, sew dik imwiegħda kif ukoll dik imwettqa. Il-ferħ jesprimi saltnet Alla – l-influwenza tiegħu fuq l-art (Rumani 14:17). Il-ferħ prodott mill-Ispirtu s-Santu jista’ jkun manifestat f’bosta modi differenti:

Il-ferħ tal-ħelsien: Meta Alla jeħles lil xi ħadd, il-ferħ hu f’postu u xieraq.

1 Samwel 2:1: Anna kienet mimlija bil-ferħ meta nħelset mill-għedewwa tagħha.

Atti 12:14: Is-seftura tant imtliet bil-ferħ li Alla kien ħeles lil Pietru li nesiet iddaħħal lil Pietru ġewwa.

Il-ferħ tas-salvazzjoni: L-akbar raġuni għall-ferħ tagħna hi li Alla jrid isalvana u jqatta’ l-eternità magħna. M’hemm xejn aqwa minn dan.

Luqa 15:7: Is-sema kollu jifraħ meta persuna taċċetta l-offerta t’Alla għas-salvazzjoni.

Atti 8:8: In-nies tas-Samarija ferħu bil-kbir xħin semgħu l-evanġelju u raw is-setgħa t’Alla fil-fejqan tal-morda.

Atti 13:52; 15:3: Il-fidili Lhud kienu mimlijin bil-ferħ xħin semgħu bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu filli kkonverta lill-Ġentili.

Il-ferħ ta’ spiritwalità matura: Hekk kif l-Ispirtu s-Santu jaħdem fina biex nagħmlu aktar frott, insiru aktar kunfidenti fil-wegħdi t’Alla u nifirħu fil-mixja tagħna miegħu u ma’ fidili oħra.

Ġwanni 15:11: Il-milja tal-ferħ tiġi għand dawk li jibqgħu fl-imħabba ta’ Kristu u jobduh.

2 Korintin 1:24; 2:3; 7:4; 1 Tessalonkin 2:19-20; 3:9: Pawlu feraħ hekk kif il-knejjes taw evidenza tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fosthom.

Filippin 2:2: Meta l-fidili jingħaqdu flimkien u jħaddnu l-istess ħsieb, imħabba, u għan ta’ Kristu, iġibu ferħ fl-oħrajn.

Ebrej 10:34; 12:2; Ġakbu 1:2-4: Il-fidili, fuq l-eżempju ta’ Ġesù, jissaportu l-persekuzzjoni minħabba l-wegħda ta’ ferħ li ġej.

Il-ferħ mill-preżenza t’Alla: L-Ispirtu s-Santu jiġbidna lejn Alla, u fil-preżenza tiegħu ngawdu l-ferħ veru. Mingħajr l-Ispirtu s-Santu, ħadd ma jfittex ’l Alla.

Salm 16:11: “Se tgħarrafni l-mogħdija tal-ħajja; fil-preżenza tiegħek hemm il-milja tal-ferħ; fuq idek il-leminija hemm pjaċiri kontinwi.”

Mattew 2:10; Luqa 1:14: Marija u l-maġi mtlew bil-ferħ għaliex kien twieled Emmanwel.

Mattew 28:8; Luqa 24:41: In-nisa li marru lejn il-qabar ta’ Ġesù u d-dixxipli ferħu eċċessivament li kien irxoxta mill-mewt.

Il-kelma Griega chara viċin ħafna ma’ charis, li tfisser “grazzja” jew “don.” Chara huwa r-rispons naturali għall-charis - għandna l-ferħ minħabba l-grazzja t’Alla. Il-pass li jmiss ikun li nħallu ll-ferħ tagħna jissarraf f’azzjoni hekk kif nesprimuh, għalkemm xi drabi l-ferħ tant ikun kbir li jkun inesprimibbli (1 Pietru 1:8).

Li jkollna l-ferħ hija għażla. Aħna nagħżlu nistmawx il-preżenza, wegħdi, u ħidma t’Alla f’ħajjitna, jew le. Meta nċedu għall-Ispirtu, jiftħilna għajnejna għall-grazzja t’Alla madwarna u jimlina bil-ferħ (Rumani 15:13). Il-ferħ ma jinstabx f’dinja mwaqqa’; jinsab biss f’xirka m’Alla li tagħmel il-ferħ tagħna sħiħ (1 Ġwanni 1:4).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Il-Frott tal-Ispirtu s-Santu – X’inhu l-ferħ?
© Copyright Got Questions Ministries