Mistoqsija
Alla min hu?
Tweġiba
Alla min hu? Kif nistgħu nkunu nafuh?
Alla min Hu? – L-Eżistenza Tiegħu Il-fatt tal-eżistenza t’Alla tant hu ovvju, kemm fil-ħolqien kif ukoll fil-kuxjenza tal-bniedem, li l-Bibbja lill-ateu ssejjaħlu “iblah” (Salmi 14:1). Il-Bibbja bix-xieraq qatt ma tagħmel tentattiv biex tipprova l-eżistenza t’Alla; aktarx, tassumi l-eżistenza tiegħu mill-bidu nett (Ġenesi 1:1). Il-Bibbja tirrivelalna n-natura, il-karattru, u x-xogħol tiegħu.
Alla min Hu? – Id-Definizzjoni Tiegħu Importanti ħafna li naħsbu dwar Alla b’mod korrett, għax idea falza dwar Alla hi idolatrija. F’Salm 50:21, Alla jċanfar lir-raġel ħażin b’din l-akkuża: “Int ħsibt li jien kont proprjament bħalek.” Biex nibdew, sunt tajjeb ta’ definizzjoni dwar Alla hi: “L-Enti Suprem; il-Ħallieq, u l-Mexxej ta’ kulma hu; dak li jeżisti fih innifsu, perfett fis-setgħa, fit-tjubija, u fl-għerf.”
Alla min Hu? – In-Natura Tiegħu Nafu ċertu affarijiet dwar Alla li huma veri għal raġuni waħda: għax Alla fi ħnientu għoġbu jinżel għal-livell tagħna u jirrivelalna xi attributi u karatterisitċi tiegħu. Alla hu spirtu, intanġibbli fin-natura (Ġwanni 4:24). Alla hu Wieħed, però jeżisti fi Tliet Persuni—Alla l-Missier, Alla l-Iben, u Alla l-Ispirtu s-Santu (Mattew 3:16-17). Alla hu infinit (1 Timotju 1:17), inkomparabbli (2 Samwel 7:22), u immutabbli (ma jinbidilx) (Malakija 3:6). Alla jinsab kullimkien (Salmi 139:7-12), jaf kollox (Salmi 147:5; Isaija 40:28), u għandu kull setgħa u awtorità (Efesin 1; Rivelazzjoni 19:6).
Alla min Hu? – Il-Karattru Tiegħu Dawn uħud mill-karatteristiċi t’Alla kif insibuhon rivelati fil-Bibbja: Alla ġust (Atti 17:31), iħobb (Efesin 2:4-5), veritier – jgħid is-sewwa (Ġwanni 14:6), u qaddis (1 Ġwanni 1:5). Alla juri kumpassjoni (2 Korintin 1:3), ħniena (Rumani 9:15), u grazzja (Rumani 5:17). Alla jiġġudika d-dnub (Salmi 5:5) però joffri wkoll il-maħfra (Salmi 130:4).
Alla min Hu? – Ix-Xogħol Tiegħu Ma nistgħux nifhmu ’l Alla apparti minn xogħlijietu, għaliex dak li Alla jagħmel inixxi minn dak li hu. Hawn lista mqassra tax-xogħlijiet t’Alla, dawk passati, preżenti, u futuri: Alla ħalaq is-smewwiet u l-art (Ġenesi 1:1; Isaija 42:5); isostni b’mod attiv l-istess ħolqien (Kolossin 1:17); qiegħed jesegwixxi l-pjan etern tiegħu (Efesin 1:11), li jinvolvi l-fidwa tal-bniedem mis-saħta tad-dnub u l-mewt (Galatin 3:13-14); qed jiġbed lill-bnedmin lejn Kristu (Ġwanni 6:44); jiddixxiplina ’l uliedu (Ebrej 12:6); u għad jiġġudika d-dinja.
Alla min Hu? – Relazzjoni Miegħu Fil-persuna tal-Iben, Alla sar bniedem (Ġwanni 1:14). Bin Alla sar Bin il-bniedem, u allura huwa l-“pont” bejn Alla u l-bniedem (Ġwanni 14:6; 1 Timotju 2:5). Hu permezz tal-Iben biss li nirċievu l-maħfra tad-dnubiet (Efesin 1:7), ir-rikonċiljazzjoni m’Alla (Ġwanni 15:15; Rumani 5:10), u s-salvazzjoni eterna (2 Timotju 2:10). Fi Kristu Ġesù “tgħammar il-milja kollha tad-Divinità korporalment” (Kolossin 2:9). Allura, biex inkunu nafu verament lil Alla, kulma rridu nagħmlu hu li nħarsu lejn Ġesù.
English
Alla min hu?