settings icon
share icon
Mistoqsija

Xi tfisser taċċetta ’l Ġesù bħala s-Salvatur personali tiegħek?

Tweġiba


Aċċettajt lil Ġesù Kristu bħala s-Salvatur personali tiegħek? Biex nifhmu sew dil-mistoqsija, l-ewwel jeħtieġ tifhem it-termini “Ġesù Kristu,” “personali,” u “Salvatur.”

Min hu Ġesù Kristu? Ħafna nies jirrikonoxxu lil Ġesù bħala bniedem twajjeb, għalliem kbir, jew saħansitra profeta t’Alla. Dawn il-ħwejjeġ kollha veri dwar Ġesù, però ma jiddefinixxux kompletament min tassew hu. Il-Bibbja tgħidilna li Ġesù hu Alla fil-laħam, Alla f’forma umana (ara Ġwanni 1:1,14). Alla ġie fid-dinja sabiex jgħallimna, ifejjaqna, jikkoreġina - u jmut għalina biex jaħfrilna! Ġesù Kristu hu Alla, il-Ħallieq, is-Sid Sovran. Dan hu Ġesù li jmissek tilqa’ f’ħajtek.

X’inhu Salvatur, u għaliex neħtieġu Salvatur? Il-Bibbja tgħidilna li lkoll dnibna; ilkoll ikkommettejna atti midinba (Rumani 3:10-18). B’riżultat ta’ dnubna, ħaqqna l-korla u l-ġudizzju t’Alla. L-uniku kastig ġust għal dnubiet magħmula kontra Alla infinit u etern hu kastig infinit (Rumani 6:23; Rivelazzjoni 20:11-15). Minħabba f’hekk neħtieġu Salvatur!

Ġesù Kristu ġie fid-dinja u miet minflokna. Il-mewt ta’ Ġesù kienet pagament infinit għal dnubietna (2 Korintin 5:21). Radd ħajtu biex iħallas il-kastig għal dnubietna (Rumani 5:8). Ħallas il-prezz sabiex ma jkollniex għalfejn inħallsuh aħna. Il-qawmien ta’ Ġesù mill-qabar hu l-prova li mewtu nstabet suffiċjenti biex tħallas il-penali għal dnubietna. Għalhekk Ġesù, u ħadd ħliefu, hu l-uniku Salvatur (Ġwanni 14:6; Atti 4:12)! Qed tafda f’Ġesù bħala s-Salvatur tiegħek?

Ġesù Salvatur personali. Ħafna nies iqisu l-Kristjaneżmu bħala attendenza fi knisja, twettiq ta’ ritwali, u tevita ċerti dnubiet. Dan mhuwiex Kristjaneżmu bibliku. Il-Kristjaneżmu veru jikkonsisti f’relazzjoni personali ma’ Ġesù Kristu. Li taċċetta ’l Ġesù bħala s-Salvatur personali tiegħek ifisser tpoġġi l-fiduċja personali u afdar tiegħek fih. Ħadd ma jsalva bil-fidi ta’ ħaddieħor. Ħadd ma jirċievi l-maħfra billi jagħmel ċerti atti. L-uniku mod li ssalva hu billi taċċetta personalment lil Ġesù bħala s-Salvatur tiegħek, tafda f’mewtu bħala ħlas għal dnubietek u l-irxoxt tiegħu bħala l-garanzija tiegħek għall-ħajja eterna (Ġwanni 3:16). Ġesù huwa s-Salvatur personali tiegħek?

Jekk trid taċċetta ’l Ġesù Kristu bħala s-Salvatur personali tiegħek, itlob din it-talba. Sintendi, ftakar li billi tgħid din it-talba, jew xi talba simili, ma ssalvax b’hekk. Dak li jsalvak hu li temmen f’Ġesù Kristu u x-xogħol mitmum tiegħu fuq is-salib għalik. Dit-talba hi biss mod wieħed kif tesprimi l-fidi tiegħek lil Alla u tirringrazzjah talli provdielek għas-salvazzjoni tiegħek.

It-talba hi din: “O Alla, naf li dnibt kontrik u jistħoqqli l-kastig. Però nemmen li Ġesù Kristu ħa l-kastig li jistħoqqli sabiex bil-fidi fih inkun nista’ nirċievi l-maħfra. Nirċievi l-offerta ta’ maħfra tiegħek u npoġġi l-fiduċja tiegħi fik għas-salvazzjoni. Naċċetta ’l Ġesù bħala s-Salvatur personali tiegħi! Inroddlok ħajr għall-grazzja tal-għaġeb tiegħek, il-maħfra, u d-don tal-ħajja ta’ dejjem! Ammen!”

Wara li qrajt dan, ħadt deċiżjoni li tirċievi ’l Ġesù Kristu bħala s-Salvatur personali tiegħek?

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Xi tfisser taċċetta ’l Ġesù bħala s-Salvatur personali tiegħek?
© Copyright Got Questions Ministries