settings icon
share icon
Mistoqsija

Kif nista’ nkun ċert mis-salvazzjoni tiegħi?

Tweġiba


Biex nitkellmu b’mod sempliċi, l-assigurazzjoni tas-salvazzjoni tfisser illi nkunu żguri illi aħna salvati minn Ġesù. Ħafna Kristjani matul is-sekli kitbu dwar is-serriegħa tagħhom; xtaqu jkunu żguri illi huma milqugħa minn Alla. Il-problema hi illi ħafna segwaċi ta’ Ġesù Kristu jfittxu l-assigurazzjoni tas-salvazzjoni tagħhom f’postijiet żbaljati.

Għandna ħabta nfittxu l-assigurazzjoni tas-salvazzjoni fil-ħwejjeġ li Alla qed jaħdem f’ħajjitna, fl-iżvilupp spiritwali tagħna, fl-opri tajba u l-ubbidjenza għall-Kelma t’Alla li huma evidenti fil-mixja Kristjana tagħna. Filwaqt li dawn il-ħwejjeġ jistgħu jservu bħala evidenzi tas-salvazzjoni, m’għandniex inserrħu l-assigurazzjoni tas-salvazzjoni tagħna fuqhom. Aktarx, imissna nsibu ċ-ċertezza tagħna fil-verità oġġettiva tal-Kelma t’Alla. Imissna jkollna afdar konfidenti illi aħna salvati, afdar imsejjes fuq il-wegħdi t’Alla, mhux fuq l-esperjenzi soġġettivi tagħna.

Kif jista’ jkollok ċertezza li int salvat? Ikkonsidra l-1 Ġwanni 5:11-13: “U din hi t-testimonjanza, illi Alla tana l-ħajja eterna, u dil-ħajja hi f’Ibnu. Min għandu l-Iben għandu l-ħajja; min m’għandux lil Bin Alla m’għandux il-ħajja. Ktibtilkom dawn il-ħwejjeġ, lilkom li temmnu fl-isem ta’ Bin Alla, sabiex tkunu tafu illi għandkom il-ħajja eterna.” Min għandu lill-Iben? Dawk li jemmnu fih (Ġwanni 1:12). Jekk għandek lil Ġesù, għandek il-ħajja. Mhux ħajja temporanja, iżda eterna. U skont Ġwanni, tista’ tkun taf li qed tgawdi din il-ħajja eterna.

Alla jridna ngawdu din l-assigurazzjoni inkwantu s-salvazzjoni tagħna. Ma jmissniex ngħixu bħala dixxipli ta’ Ġesù, intellgħu u nniżżlu aħniex verament salvati. Hu għal dan l-għan illi l-Bibbja tagħmel il-pjan tas-salvazzjoni hekk ċar. Emmen f’Ġesù Kristu (Ġwanni 3:16; Atti 16:31). Temmen li Ġesù miet biex iħallas il-penali għal dnubietek u reġa’ qam mill-mewt (Rumani 5:8; 2 Korintin 5:21)? Qed tafda fih biss għas-salvazzjoni eterna tiegħek? Jekk it-tweġiba onesta tiegħek hi “Iva,” allura int salvat! L-assigurazzjoni tfisser ħelsien mid-dubju. Billi taqbad mal-wegħda t’Alla, m’għandux għalfejn ikollok dubju dwar ir-realtà tas-salvazzjoni eterna tiegħek.

Ġesù nnifsu jassigura lil dawk li jemmnu fih: “Jien nagħtihom il-ħajja eterna, u b’ebda mod ma jintilfu, qatt; u ħadd mhu se jaħtafhomli minn idi. Missieri, li tahomli, hu ikbar minn kulħadd; u ħadd mhu kapaċi jaħtafhom minn id il-Missier” (Ġwanni 10:28-29). Il-ħajja eterna hi, appuntu, eterna. M’hemm ħadd u xejn li jista’ jċaħħdek mill-għotja grazzjuża tas-salvazzjoni.

Ifraħ f’kulma jgħidlek il-Mulej: flok tiddubita, tista’ tgħix b’konfidenza fih. Jista’ jkollok l-assigurazzjoni mill-Kelma ta’ Kristu illi s-salvazzjoni ta’ niesu qatt mhi pperikolata. Il-fidwa u s-salvazzjoni tagħna huma msejsa fuq il-Kalvarju u l-qabar vojt; hi salvazzjoni perfetta u kompluta. Qed tafda fil-Mulej Ġesù Kristu bħala s-Salvatur u Sid tiegħek? Jekk kapaċi twieġeb ġenwinament, “Iva,” tista’ sserraħ qalbek fih. Int salvat!

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Kif nista’ nkun ċert mis-salvazzjoni tiegħi?
© Copyright Got Questions Ministries