settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhi r-rikonċiljazzjoni Kristjana?

Tweġiba


Ir-rikonċiljazzjoni hi r-restawrazzjoni ta’ relazzjoni għal stat armonjuż wara ġlieda jew disputa. Ir-rikonċiljazzjoni tfisser illi fejn qabel żewġ persuni huma miġġielda u mbegħdin minn xulxin, issa jiftiehmu bejniethom u l-avversità ta’ bejniethom tispiċċa. Ir-rikonċiljazzjoni Kristjana hi l-ħidma t’Alla permezz ta’ Kristu li biha jirrestawra lill-midinbin għal relazzjoni favorevoli miegħu nnifsu.

Ir-rikonċiljazzjoni Kristjana nistgħu nqabbluha ma’ żewġt iħbieb illi issa huma miksurin bejniethom, u qed jiġġieldu. Ir-relazzjoni tajba li darba gawdew bejniethom issa nqalbet f’għadwa. M’għadhomx jitkellmu bejniethom, u t-tnejn issa huma mbegħdin minn xulxin. Jistgħu wkoll ikunu ostili u avversivi lejn xulxin. Iżda mbagħad tiġri xi ħaġa. Jibdew jitkellmu; il-kburija titwarrab fil-ġenb; joffru apoloġiji lil xulxin, u terġa’ tinbena relazzjoni ta’ fiduċja. Meta s-sliem hu finalment restawrat, u jitgħannqu, ir-rikonċilazzjoni tkun seħħet. Issa immaġina illi bejn dawn it-tnejn, wieħed biss għandu ħtija. L-ieħor hu totalment innoċenti. Dan l-innoċenti huwa l-persuna li bdiet il-proċess ta’ rikonċiljazzjoni. Hekk hi r-rikonċiljazzjoni Kristjana: Alla, li hu totalment ġust u qaddis, ħa l-inizjattiva biex il-firda bejnu u l-midinbin titneħħa ħalli jkun jista’ jgħannaqhom mill-ġdid miegħu.

Ir-rikonċiljazzjoni neċessarjament tinvolvi bidla. Fir-rikonċiljazzjoni Kristjana, Alla ma jinbidilx. Jibqa’ assolutament perfett. Iżda jibdel lilna. Bħala riżultat, ir-relazzjoni tagħna miegħu tinbidel.

Il-mezz li Alla uża biex jirrikonċiljana miegħu nnifsu hu l-istess Ibnu, Ġesù Kristu. “Issa dawn kollha mingħand Alla, li rrikonċiljana miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu, u tana l-ministeru tar-rikonċiljazzjoni, ċoè, illi Alla kien fi Kristu, jirrikonċilja d-dinja miegħu nnifsu, bla ma jgħodd l-offiżi tagħhom kontrihom; u kkommettielna l-kelma tar-rikonċiljazzjoni” ( 2 Korintin 5:18-19). Difatti, kien waqt li konna għadna midinbin illi konna rikonċiljati miegħu bil-mewt ta’ Ibnu (Rumani 5:10). Il-mewt ta’ Ġesù tagħmel id-differenza kollha. Meta Kristu miet, ħadem is-sliem permezz ta’ demmu, imxerred fuq is-salib (Kolossin 1:20).

Il-fatt li kellna bżonn rikonċiljazzjoni jfisser illi r-relazzjoni tagħna m’Alla kienet miksura. U l-fatt li Alla hu qaddis ifisser illi l-ħtija u t-tort kienu kollha tagħna. Id-dnub tagħna aljenana mill-Ħallieq tagħna. Il-mewt ta’ Ġesù Kristu fuq is-salib hi l-bażi għall-maħfra u l-ġustifikazzjoni tagħna. Bil-grazzja, permezz tal-fidi f’Ibnu, Alla jilqagħna għandu u jerġa’ jsawwarna fl-immaġni ta’ Kristu. Alla u l-bniedem jinġiebu lura flimkien: il-bniedem, darba mejjet fid-dnub, issa hu mqajjem għal ħajja ġdida. Il-fidili, li jilqgħu din ir-rikonċiljazzjoni superba, ma jibqgħux għedewwa, ħżiena, u midinbin. Minflok l-imħabba t’Alla, murija fuq is-salib, issa hi msawba fi qlubhom permezz tal-Ispirtu s-Santu mogħti lilhom (Rumani 5:5). Ir-rikonċiljazzjoni hi bidla fl-istat totali ta’ ħajjitna.

Jista’ jingħad illi l-Bibbja sħiħa hi l-istorja tar-rikonċiljazzjoni Kristjana. Bdejna fil-Ġnien tal-Għeden bħala ħbieb m’Alla, bla mistħija, ngħixu f’xirka u ħbiberija miegħu u ma’ xulxin. Iżda meta daħal id-dnub fid-dinja, ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna nkisru. Sirna għedewwa t’Alla, infittxu mogħdijietna u ngħixu f’ostilità lejh. L-Iskrittura kollha, allura, hi rekordju kif Alla jirrikonċiljana jew iħabbibna miegħu nnifsu. Ħrabna minnu, hu fettxna. Konna mxerrdin bħan-nagħaġ, iżda Alla bagħat fostna r-Ragħaj it-Tajjeb. Inħbejna fid-dlam tal-ħażen, u hu bexbex id-Dawl veru fuqna. Konna qed immutu f’nixfa spiritwali, u Alla bagħat l-ilma ħaj.

Il-grazzja u t-tjieba t’Alla huma esibiti sabiħ fir-rikonċiljazzjoni Kristjana. “Intom darba kontu frustieri u għedewwa f’moħħkom minħabba l-opri l-ħżiena tagħkom, imma issa rrikonċiljakom fil-ġisem ta’ laħmu permezz tal-mewt, ħalli jippreżentakom qaddisin u bla difett u bla tixlija quddiemu” (Kolossin 1:21-22).

Bħala nies rikonċiljati m’Alla, ingħatajna “l-ministeru tar-rikonċiljazzjoni” (2 Korintin 5:18). Ġejna fdati “bil-messaġġ tar-rikonċiljazzjoni” (vers 19). Issa nwasslu l-evanġelju lil dinja qed tmut, filwaqt li ngħidu lill-midinbin, “Nimplorawkom għal Kristu, kunu rikonċiljati m’Alla” (2 Korintin 5:20). Is-sagrifiċċju perfett ta’ Ġesù fuq is-salib għamel tpattija sħiħa għad-dnub (Ebrej 2:17). B’mewtu, il-Ħaruf t’Alla ġab armonija fir-relazzjoni tagħna m’Alla, tagħna li lqajna r-rikonċiljazzjoni maħduma minnu. Nappellaw lill-mitlufa, lil dawk miġġielda m’Alla, biex jafdaw fi Kristu, jilqgħu r-rikonċiljazzjoni tiegħu, u jkunu jafu l-ferħ tal-ħbiberija m’Alla.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhi r-rikonċiljazzjoni Kristjana?
© Copyright Got Questions Ministries