settings icon
share icon
Mistoqsija

Għaliex il-liġi ma tistax issalvana?

Tweġiba


Sikwit niddiskutu l-liġi u x’post għandha fis-salvazzjoni tagħna. Il-Kristjani jgħidu “Ammen” bil-ferħa għall-verità biblika li s-salvazzjoni nirċevuha bil-grazzja. Allura x’inhu r-rwol tal-liġi? Il-liġi ssalvana jew le? It-tweġiba ċara tal-Bibbja hi “Le.” Nikkonsidraw xi passaġġi li jesploraw ir-relazzjoni bejn il-liġi u s-salvazzjoni tagħna.

Ebrej 10:1-4: “Għax il-liġi għandha biss dell tal-ħwejjeġ tajbin li ġejjin, mhux il-forma nfisha ta’ dawn ir-realtajiet, allura qatt ma tista’, bl-istess sagrifiċċji li joffru kontinwament kull sena, jipperfezzjonaw lil dawk li jersqu qrib biex jagħtu qima. Altrimenti, ma kinux jehdew milli jkunu offruti, minħabba li l-qejjimin, ladarba huma purifikati, ma kinux jibqgħu iżjed konxji tad-dnubiet? Iżda fihom hemm tifkira kull sena tad-dnubiet, għax hu impossibbli li d-demm tal-barrin u l-bdabat ineħħi d-dnubiet.”

Rumani 3:20: “Għax bl-opri tal-liġi ebda bniedem mhu se jkun ġustifikat quddiemu, ladarba permezz tal-liġi jiġina t-tagħrif tad-dnub.”

Galatin 2:16: “U frattant nafu illi l-bniedem mhux ġustifikat bl-opri tal-liġi iżda biss permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù, għalhekk imqar aħna emminna fi Kristu Ġesù, sabiex inkunu ġustifikati bil-fidi fi Kristu, u mhux bl-opri tal-liġi, għax bl-opri tal-liġi ebda bniedem mhu se jkun ġustifikat.”

Galatin 3:10: “Għax dawk kollha li huma mill-opri tal-liġi jinsabu taħt saħta, għax hu miktub: ‘Misħut kull min ma jibqax fil-ħwejjeġ kollha miktubin fi Ktieb il-Liġi, ħalli jagħmilhom.’”

Galatin 5:4: “Tinsabu aljenati minn Kristu, intom li qed tipprovaw tkunu ġustifikati bil-liġi; waqajtu ’l barra mill-grazzja.”

Mela, għaliex il-liġi ma tistax issalvana? L-ewwel, ejja nikkonsidraw l-għan jew l-iskop tal-liġi. Qatt ma ngħatat bħala sistema biex insalvaw biha. Ingħatat biex turina n-natura midinba tagħna, u kemm aħna kontabbli lejn Alla, kif hu spjegat fir-Rumani 3:20. Pawlu jelabora fuq dal-punt fir-Rumani 7:7: “X’se ngħidu mela? Il-liġi dnub? Dażgur li le! Anzi, ma kontx insir nafu d-dnub ħlief permezz tal-liġi; għax ma kontx inkun naf x’jiġifieri realment ir-regħba ħlief bil-liġi, li qalet, ‘Tirgħibx.’”

Fiha nfisha l-liġi hi tajba; tiżvelalna l-perfezzjoni morali t’Alla. Iżda l-għan prinċipali tagħha hu sabiex tesponi jew tikxfilna l-falliment morali tagħna. Il-bnedmin kienu diġà midinbin qabel ma ngħatat il-liġi fuq is-Sinaj. Bil-liġi nistgħu nagħrfu l-qagħda midinba tagħna, bħalma test mediku jikxef il-mard fina. Madankollu, bħalma test ma jistax joffri kura, il-liġi mhijiex is-soluzzjoni għall-istat midneb tagħna.

Ikun żball jekk nassumu illi Alla salva n-nies permezz tal-liġi qabel ma twieled Kristu. Rumani 4:3 jaċċertana illi Abraħam kien ġustifikat bil-fidi, mhux bil-liġi. Imqar wara li Alla ta l-liġi, is-sistema ta’ sagrifiċċji kompliet tgħatti d-dnubiet tan-nies. Hekk hu indikat illi l-problema tad-dnub ippersistiet u ssimbolizzat is-sagrifiċċju finali li kellu jseħħ fuq il-Golgota (Ebrej 10:11). Tpattija temporanja bl-annimali maqtula ma jkunx hemm bżonnha jekk il-bnedmin setgħu jkunu salvati bl-ubbidjenza għal-liġi. Karattri tul il-Patt il-Qadim, bħalma huma Abraħam, Mosè u David, qiegħdu l-fidi tagħhom f’Alla filli kienu jafu l-wegħdi li għamel. Iddependew fuqhom. Finalment saret tpattija għal dnubiethom bis-salib (Rumani 3:25-26; Ebrej 9:15).

Aktar minn hekk, il-liġi ma tistax issalvana għax m’għandhiex qawwa biex tittrasformana. L-Ispirtu s-Santu kapaċi jġib bidla radikali f’ħajjitna; jibda billi jwassalna għall-fidi fi Kristu (Ġwanni 3:5-6; Titu 3:5). Il-Kristjaneżmu jiddistingwi lilu nnifsu minn reliġjonijiet oħra li jgħallmu li s-salvazzjoni, fil-forom numerużi tagħha, tinkiseb bl-opri. Is-segwaċi ta’ reliġjonijiet oħra jitħabtu biex iżommu r-regoli u inevitabbilment ma jirnexxilhomx. Imbagħad jaqtgħu jieshom jew inkella jibdew jippretendu li huma ġusti fihom infushom. Fil-Kristjaneżmu, is-salvazzjoni hi bi grazzja mingħand Alla. Nilqgħuha permezz tal-fidi, u l-fidi twassal għal relazzjoni m’Alla li tibdel l-istil u l-andament ta’ ħajjitna mill-qiegħ. Aktarx milli niddependu fuq il-prestazzjoni tagħna, nafdaw fit-tpattija u l-perfezzjoni ta’ Kristu.

Il-liġi hi perfetta u tajba, iżda impossibbli ssalvana. Aktarx, tikxef il-fatt li aħna midinbin, u neħtieġu Salvatur. Is-salvazzjoni tinsab biss f’isem Ġesù (Atti 4:12).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Għaliex il-liġi ma tistax issalvana?
© Copyright Got Questions Ministries