settings icon
share icon
Mistoqsija

Xi jfisser illi llum hu jum is-salvazzjoni?

Tweġiba


Alla qed jordna lill-bnedmin, bla ma jdur mal-lewża, sabiex jindmu (Marku 6:12; Luqa 24:47; Atti 3:19; 17:30). Tindem jiġifieri tibdel ħsiebek – minflok tħaddan id-dnub u tirriġetta lil Kristu, issa tirriġetta d-dnub u tħaddan lil Kristu. Dawk li jirrifjutaw milli jindmu u jduru lejn Kristu bil-fidi se jbatu konsegwenzi eterni. Hemm infern, u allura n-nies li jmutu bla ndiema se jiffaċċjaw ġudizzju terribbli. Għaliex mela wieħed jibqa’ ma jdurx lejn Alla? Frattant ħafna hekk jippreferu, imqar jekk jammettu dnubhom u jagħrfu l-bżonn li jkunu salvati.

Hemm diversi raġunijiet għala ma jmissniex inħallu għall-aħħar inkwantu l-indiema tagħna. L-ewwel, il-kmand tal-Bibbja biex nindmu hu akkumpanjat b’appell urġenti biex nieħdu azzjoni issa. Pawlu jikkwota Isaija 49:8 fejn jitkellem dwar “il-jum tas-salvazzjoni.” Imbagħad jgħidilna biex ma ndumux: “Fi żmien favorevoli smajtek, u f’jum is-salvazzjoni għentek. Ara, issa ż-żmien aċċettabbli; ara, issa jum is-salvazzjoni” (2 Korintin 6:2).

L-indiema messha sseħħ appena Alla l-Ispirtu s-Santu jikkonvinċina minn dnubietna (ara Ġwanni 16:8). Fi kliem ieħor, illum hu jum is-salvazzjoni. “Illum, jekk tisimgħu leħnu, twebbsux qalbkom” (Salm 95:7-8).

Problema oħra meta nibqgħu bla ma nindmu hija illi ħadd ma jaf il-jum meta se jmut. U wara l-mewt jiġi l-ġudizzju (Ebrej 9:17). L-iblah għani fil-parabbola ta’ Ġesù (Luqa 12:16-20) ħaseb illi kellu ħafna ħin biex igawdi l-ħajja, iżda Alla tah l-aħbar kerha: “Iblah! Dal-lejl stess ruħek hi ddomandata minnek; u issa l-ħwejjeġ li ppreparajt ta’ min se jkunu?” (vers 20). Għandna llum – għandna l-mument preżenti – u jmissha ninqdew sewwa bih.

Raġuni oħra għala ma jaqblilniex inħallu l-indiema għall-aħħar hi din: kull darba li nirrifjutaw milli nindmu, inkomplu nippersistu fid-dnub u qalbna titwebbes iżjed (ara Ebrej 3:7-8). Kull darba li persuna tgħid “Le” għal kulma hu sewwa jsir aktar faċli għaliha tgħid “Le” id-darba li jmiss. Hemm twebbis gradwali tal-qalb, u l-kuxjenza ssir aktar insensittiva (1 Timotju 4:2). Dan jista’ jraqqad lill-persuna mitlufa hekk illi ma tibqax tħoss spiritwalment. Hi kondizzjoni perikoluża immensament.

Aktar ma l-qalb tibbies, aktar Alla jkollu juża “forza” biex iwassal lill-individwu għall-indiema. Dan huwa illustrat fil-kastigi tal-Eġittu, li baqa’ jsiru aktar u aktar qliel. Hekk kif il-Faragħun issokta jwebbes qalbu, il-flaġelli komplew u saru aktar gravi, sakemm l-ewwel imwieled f’kull familja Eġizzjana miet (Esodu 7-11). “Iebes għalik toqmos kontra n-niggieża” (Atti 26:14).

Traġikament jasal punt fejn wieħed ma jkunx jista’ jirritorna. Alla jista’ eventwalment ma jibqax jipprova jġib lil min hu kronikament ribelluż kontrih; jitlaqhom għall-mogħdijiet stinati tagħhom (Rumani 1:28). Qatt ma nistgħu nkunu nafu meta jasal dan l-istadju, iżda l-għaqal jitlob li messna nindmu qabel ma jkun tard wisq.

Billi noqogħdu bla ma nindmu nkunu qed niċċaħħdu minn diversi barkiet mingħand Alla. Almenu tliet versi jixħtu dawl fuq dal-fatt. “Indmu mela, u duru lejn Alla, biex dnubietkom ikunu mħassra, ħalli jiġu żminijiet ta’ freskezza mill-preżenza tas-Sid” (Atti 3:19). “Min jaħbi dnubietu ma jkollux risq, iżda min jistqarrhom u jabbandunahom isib il-ħniena” (Proverbji 28:13). “L-għemil ħażin tagħkom ċaħħdukom minn dawn (ir-raxxiet ta’ barkiet); dnubietkom żammewkom lura mit-tajjeb” (Ġeremija 5:25). Mela, filli ndumu biex nindmu, inkunu qed nimmissjaw l-aħjar li nistgħu nirċievu mingħand Alla.

Veru li Alla hu grazzjuż u li persuna tista’ tindem fuq is-sodda tal-mewt. Iżda m’għandniex ngħixu bi preżunzjoni. M’għandniex garanzija ta’ għada. “Għal kull knisja u nazzjon, u għal kull ruħ individwali, hemm preżent dehbieni li jista’ ma jerġa’ jiġi qatt” (C.J. Ellicott).

Ġakbu 4:17 jgħid, “Mela, għal dak li jaf x’inhu t-tajjeb li jmissu jagħmel, u ma jagħmlux, għalih hu dnub.” Ladarba nafu x’inhu sewwa, aħna responsabbli nagħmluh. U ladarba nafu illi xi ħaġa hi dnub, aħna responsabbli nindmu minnha u nitilquha. Ma nissograwx nibqgħu bla ndiema. Meta Alla għalaq il-bieb tal-arka, u ġie d-dulluvju, ħadd ma seta’ jidħol fiha għall-kenn (Ġenesi 7:16). Għad ikun hemm it-tieġ tal-Ħaruf, u dawk li ma jkunux preparati għall-miġja tal-Għarus, jitħallew barra (Mattew 25:1-13).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Xi jfisser illi llum hu jum is-salvazzjoni?
© Copyright Got Questions Ministries