settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhi l-ġustifikazzjoni?

Tweġiba


Tiġġustifika tfisser “tiddikjara bħala ġust.” Il-ġustifikazzjoni hi att t’Alla li bih jippronunzja lill-midneb bħala ġust; jagħmel dan appena l-midneb ġenwinament jafda fi Kristu għas-salvazzjoni tiegħu. Skont wieħed teologu, “l-għerq ewlieni fil-ġustifikazzjoni hi d-dikjarazzjoni t’Alla, l-Imħallef ġust, illi l-bniedem li jemmen fi Kristu, avolja hu midneb, hu ddikjarat bħala ġust; hu meqjus bħala ġust, għax fl-għaqda ma’ Kristu daħal f’relazzjoni ġusta m’Alla” (G.E. Ladd).

Meta nifhmuha sewwa, il-ġustifikazzjoni għandha x’taqsam mas-sentenza t’Alla favur il-midneb; ma tinvolvi ebda bidla morali fil-midneb. Il-ġustifikazzjoni, waħidha, ma tagħmilx lill-fidil qaddis; sempliċement tiddikjarah bħala mhux ħati quddiem Alla, u allura hu trattat bħala qaddis. Il-bidla attwali lejn il-qdusija fil-midneb isseħħ bis-santifikazzjoni (taqdis), li hi relatata mal-ġustifikazzjoni, iżda biex niftiehmu sewwa, hi distinta minnha.

Passaġġ importanti li jiddeskrivi l-ġustifikazzjoni inkwantu l-fidili huwa Rumani 3:21-26: “Imma issa, apparti l-liġi, il-ġustizzja t’Alla hi manifestata, mixhuda mil-Liġi u l-Profeti, iva, il-ġustizzja t’Alla permezz tal-fidi f'Ġesù Kristu għal dawk kollha li jemmnu; għax m’hemmx distinzjoni, għax kollha dinbu u jonqsu mill-glorja t’Alla, u huma ġustifikati b’xejn bil-grazzja tiegħu permezz tal-fidwa li hi fi Kristu Ġesù; li Alla preżentah pubblikament bħala propizjazzjoni b’demmu, milqugħa permezz tal-fidi. Għamel dan bħala turija tal-ġustizzja tiegħu, minħabba t-tħollija tad-dnubiet li saru qabel fis-saportu t’Alla, kif ukoll għat-turija tal-ġustizzja tiegħu fiż-żmien preżenti, ħalli jkun ġust u jiġġustifika ’l min għandu l-fidi f'Ġesù.” Ninnotaw diversi fatti importanti dwar il-ġustifikazzjoni:

Il-fidili jgawdu l-ġustifikazzjoni apparti mil-liġi; ma jistgħux jaqilgħu l-ġustifikazzjoni billi jżommu l-liġi jew bl-opri tajba tagħhom.

Il-ġustifikazzjoni hi possibbli minħabba l-mewta ta’ Kristu bħala sagrifiċċju; hi bbażata fuq id-demm imxerred ta’ Ġesù.

Il-ġustifikazzjoni hi għotja grazzjuża u b’xejn mingħand Alla: jirċevuha dawk li jserrħu fuq Kristu u s-sagrifiċċju tiegħu fuq il-Golgota.

Il-ġustifikazzjoni hi turija tal-ġustizzja t’Alla.

Relatati mal-ġustifikazzjoni t’Alla, il-midneb għandu diversi barkiet:

Il-maħfra mill-penali tad-dnub, li hu l-mewt (Rumani 3:23; 8:1; 1 Pietru 2:24).

Ir-restawrazzjoni għall-favur t’Alla, li ntilef minħabba d-dnub (Ġwanni 3:36). Mela l-ġustifikazzjoni hi aktar minn maħfra; hi aċċettazzjoni sħiħa m’Alla. Issa l-fidili huma ħbieb t’Alla (Ġakbu 2:23), u werrieta ma’ Kristu (Rumani 8:17).

Il-ġustizzja hi magħduda fil-kont tal-fidili. Alla jqisna bħala ġusti f’għajnejh (Rumani 4:5-8). Jiddikjarana bħala legalment ġusti għax “lil dak li ma kienx jaf dnub Alla għamlu dnub għalina, sabiex aħna nsiru l-ġustizzja t’Alla fih” (2 Korintin 5:21).

Aħna ġustifikati, iddikjarati ġusti, mill-mument li nafdaw fi Kristu. Ġesù temm il-ħidma meħtieġa għall-ġustifikazzjoni tagħna fuq is-salib. “Mela, billi issa ninsabu ġustifikati b’demmu, bil-wisq iżjed se nkunu salvati mir-rabja t’Alla permezz tiegħu” (Rumani 5:9). Imbagħad hu “tqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna” (Rumani 4:25).

Il-mistoqsija importanti hi din: “Il-ġustifikazzjoni hi ġusta? Ladarba Alla hu qaddis, kif jista’ Alla jaħfer lill-midneb ħati?” It-tweġiba hi illi l-ġustifikazzjoni ma tiskużax dnubietna, jew tinjorahom, jew b’xi mod tapprovahom. Aktarx, il-kastig għal dnubietna kollha diġà ngħata: Kristu tgħabba bil-penali li kien jistħoqq lilna. Ġesù serva bħala s-sostitut tagħna. “Għax Kristu wkoll bata għad-dnubiet darba għal dejjem, il-ġust għall-inġusti, sabiex iressaqkom lejn Alla” (1 Pietru 3:18). Peress li Alla fi qdusitu hu sodisfatt bi Kristu (Isaija 53:4-6), il-fidili tiegħu huma ħielsa mill-kundanna (Rumani 8:1). Hekk Alla jibqa’ ġust u fer, u bir-raġun jgħodd bħala ġusti lil dawk kollha li jafdaw f’Ibnu (Rumani 3:26).

Peress li Alla jiġġustifikana bil-grazzja permezz tal-fidi fi Kristu, issa kull min jemmen fih għandu l-paċi m’Alla (Rumani 5:1). Bħal Ġożwè l-qassis, tneżżajna mill-ħwejjeġ maħmuġin tagħna (Żakkarija 3:4), u bħall-iben il-ħali, issa ninsabu mlibbsa bl-aħjar mantar (Luqa 15:22). Alla l-Missier jarani perfetti u bla ħtija, u bil-ħidma tal-Ispirtu fina nistgħu niddedikaw ruħna għal kulma hu tajjeb (Titu 3:14).

Rumani 5:18-19 jiġbor fil-qosor il-bażi u r-riżultat tal-ġustifikazzjoni: “Hekk mela, bħalma permezz t’offiża waħda rriżultat il-kundanna għall-bnedmin kollha, hekk ukoll permezz ta’ att ġust wieħed irriżultat il-ġustifikazzjoni tal-ħajja għall-bnedmin kollha. Għax bħalma permezz tad-diżubbidjenza tal-bniedem wieħed il-ħafna kienu magħmulin midinbin, hekk ukoll permezz tal-ubbidjenza tal-wieħed il-ħafna se jkunu magħmulin ġusti.”

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhi l-ġustifikazzjoni?
© Copyright Got Questions Ministries