settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhuma l-konsegwenzi tad-dnub?

Tweġiba


Il-konsegwenza finali tad-dnub, u l-eħrex waħda, hi l-mewt. Il-Bibbja tgħid illi s-salarju mħallas mid-dnub hu l-mewt (Rumani 6:23). Mhux biss il-mewt fiżika, iżda saħansitra l-firda eterna minn m’Alla. “Iżda l-inikwitajiet tagħkom isseparawkom minn m’Alla tagħkom; dnubietkom ħbewlu wiċċu minnkom, hekk illi mhux se jismagħkom” (Isaija 59:2). Din hi l-konsegwenza prinċipali tar-ribelljoni tal-bniedem kontra l-Ħallieq tiegħu.

Frattant ħafna jridu jemmnu illi Alla tant iħobb illi ma joqgħodx jagħti kas id-difetti ċkejkna tagħna, iż-żelqiet jew l-indiskrezzjonijiet minuri tagħna. Gidba għall-bżonn, daqsxejn ingann fuq il-formula tat-taxxa, tieħu dik il-pinna meta ħadd mhu jħares, jew tara l-pornografija fis-sigriet – dawn huma żbalji żgħar u mhumiex denji tal-mewt, hux! Il-problema hi din: id-dnub hu dnub, kbir jew żgħir. Għalkemm Alla jħobbna, qdusitu hi tali illi ma jistax jgħammar mal-ħażen. Il-profeta Ħabaqquq ikellem lil Alla u jiddeskrivih hekk: “Għajnejk huma puri wisq biex tħares lejn il-ħażen; int ma tistax tittollera d-deni” (1:13). Alla ma jinjorax ħżunitna. Għall-kuntrarju, “tistgħu tibqgħu ċerti illi d-dnub tagħkom għad isibkom” (Numri 32:23). Imqar dawk id-dnubiet sigrieti li naħbu fl-irkejjen ta’ qlubna, xi darba għad jinħarġu għad-dawl. “M’hemmx ħliqa li mhix manifestata quddiemu, imma kollox hu espost u mikxuf għal għajnejh, li lilu aħna għad irridu nagħtu kont” (Ebrej 4:13).

Pawlu jisħaq u jagħmilha ċara illi d-dnub iħalli l-konsegwenzi tiegħu: “Titqarrqux: ma nistgħux immasħru ’l Alla, għax kwalunkwe ħaġa li l-bniedem jiżra’, din ukoll se jaħsad” (Galatin 6:7). Alla ma jidħqux bih. Imbagħad l-appostlu jiddeskrivi t-tmiem ta’ dawk li jiffangaw fi mġiba midinba: “għax min jiżra’ għal-laħam tiegħu nnifsu mil-laħam se jaħsad il-korruzzjoni, imma min jiżra’ għall-Ispirtu mill-Ispirtu se jaħsad il-ħajja eterna” (Galatin 6:8). Il-laħam jirreferi għan-natura midinba fina, il-bniedem f’oppożizzjoni għal Alla. L-inklinazzjoni fina għad-dnub tista’ twiegħed twettiq, iżda r-riżultat finali ma jkun xejn ħlief telfien u taħsir.

Pawlu jgħarraf lill-fidili illi “l-laħam ilebleb kontra l-Ispirtu, u l-Ispirtu kontra l-laħam, għax dawn jopponu ’l xulxin, sabiex ma tagħmlux il-ħwejjeġ li tridu” (Galatin 5:17). Imbagħad jagħti lista kerha tal-għemejjel tal-laħam, voldiri x’kapaċi jipproduċi l-bniedem mingħajr il-grazzja. Jgħid ukoll il-konsegwenza finali tat-tali komportament: “dawk li jipprattikaw it-tali ħwejjeġ mhumiex se jirtu saltnet Alla” (ara Galatin 5:19-21). Dawk li jgħixu fid-debuxxaġni u d-dnub jiżirgħu ż-żerriegħa tal-qirda f’għomor preżenti tagħhom u jkunu qed iwarrbu kull tama għall-ħajja eterna u mbierka fil-preżenza t’Alla.

Il-Bibbja tiddeskrivi lil dawk li jagħżlu li jiffangaw fid-dnub bħala “mdallmin fil-fehma tagħhom, separati mill-ħajja t’Alla minħabba l-injoranza li hi fihom, minħabba x-xrufija ta’ qalbhom, li saru kallużi u rħew lilhom infushom għas-senswalità, għall-prattika ta’ kull xorta ta’ impurità, b’regħba” (Efesin 4:18-19). Waħda mill-konsegwenzi tad-dnub, allura, hi aktar dnub. Ikun hemm leblieba sfrenata għal aktar, flimkien ma’ kuxjenza xierfa u għama għall-verità spiritwali (1 Korintin 2:14).

Meta nkomplu ngħakksu l-verità, u ngħixu kontriha, Alla finalment iċedi lill-midneb għax-xewqat midinba ta’ qalbu stess, għal-leblibiet ta’ għajb u għal moħħ depravat (Rumani 1:24,26,28). Dan ifisser illi Alla jista’ jħalli lill-midneb iservi bħala alla għalih innifsu, u jaħsad id-distruzzjoni ta’ ġismu u ruħu stess. Hi ħaġa tal-biża’ meta tkun ċedut għall-mogħdija qerrieda tiegħek innifsek.

Alla għamilha ċara illi r-ruħ li tidneb tmut (Eżekjel 18:4). Dawk li abitwalment jgħixu barra minn Kristu, imbegħdin minnu, avolja kienu konvinti dwar l-evanġelju ta’ Kristu, imisshom isegwu l-eżempju tal-ewwel konvertiti tal-knisja: kien minfuda f’qalbhom hekk illi riedu tweġiba għall-mistoqsija importantissma tagħhom, “Xi jmissna nagħmlu?” Ir-risposta kienet sempliċi u frattant profonda: “Indmu!” (Atti 2:37-38).

L-ewwel appell ta’ Ġesù meta beda l-ministeru pubbliku tiegħu kien illi wasal iż-żmien: “Is-saltna t’Alla qorbot. Indmu u emmnu fl-evanġelju!” (Marku 1:15). X’inhu l-evanġelju? “Bħalma Mosè għolla s-serpent fid-deżert, hekk jeħtieġ jitgħolla Bin il-Bniedem, sabiex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja eterna. Għax Alla hekk ħabb id-dinja, illi ta l-uniku Iben tiegħu, sabiex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja eterna” (Ġwanni 3:14-16).

Il-konsegwenza tad-dnub hi l-mewt, iżda “d-don b’xejn t’Alla hu l-ħajja eterna fi Kristu Ġesù Sidna” (Rumani 6:23).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhuma l-konsegwenzi tad-dnub?
© Copyright Got Questions Ministries