settings icon
share icon
Mistoqsija

Kif nista’ negħleb id-dnub bħala Kristjan?

Tweġiba


Il-muftieħ għar-rebħa fit-taqtigħa tagħna mad-dnub ma jinsabx fina nfusna, iżda f’Alla u l-fedeltà tiegħu lejna: “Is-Sid hu qrib dawk kollha li jsejħulu, dawk li jsejħulu fil-verità” (Salm 145:18; ara wkoll Salm 46:1).

Ma nistgħux naħarbuha: ilkoll kemm aħna nissaraw mad-dnub (Rumani 3:23). Imqar l-appostlu Pawlu ilmenta dwar it-taqbida ħarxa tiegħu mad-dnub f’ħajtu. “Għax naf illi fija, voldiri f’laħmi, ma jgħammar xejn tajjeb; għax ix-xewqa biex nagħmel is-sewwa tinsab preżenti fija, imma l-abbiltà biex naħdem it-tajjeb mhijiex. Għax ma nagħmilx it-tajjeb li rrid, anzi l-ħażin li ma rridx, dan nipprattika. Imma jekk jien nagħmel dak li ma rridx, mhux iżjed jien li nagħmlu, iżda d-dnub li jgħammar fija” (Rumani 7:18-20). Il-ġlieda ta’ Pawlu kontra d-dnub kienet reali, tant illi għajjat, “Bniedem miżerabbli jien! Min se jeħlisni mill-ġisem ta’ dil-mewt?” (Rumani 7:24).

Frattant immedjatament wara jwieġeb il-mistoqsija tiegħu stess, kif ukoll tagħna: “Grazzi ’l Alla permezz ta’ Ġesù Kristu Sidna!” (Rumani 7:25a). F’dan il-pass, Pawlu mhux biss jipprovdilna l-muftieħ għar-rebħa meta nkunu qed nissaraw kontra d-dnub, iżda jispjega id-dilemma dejjem għaddejja bejn il-laħam (it-tendenza qawwija fina għad-dnub) u l-moħħ imġedded tagħna: “Hekk mela, minn banda waħda jien innifsi bil-moħħ qed naqdi l-liġi t’Alla, imma mill-banda l-oħra fil-laħam naqdi l-liġi tad-dnub” (Rumani 7:25b).

Aktar kmieni, Pawlu qal: “Għax nafu illi l-liġi hi spiritwali, imma jien tal-laħam, mibjugħ bħala skjav taħt id-dnub” (Rumani 7:14). Pawlu qed iqabbel il-laħam tagħna ma’ lsir. Bħalma lsir jobdi lill-imgħallem tiegħu, hekk in-natura midinba tagħna tobdi d-dnub. Madankollu, bħala fidili fi Kristu, sirna bnedmin spiritwali taħt il-liġi ta’ Kristu; qalbna tinsab taħt l-influwenza tal-grazzja divina. Alla jippossedina; ħajjitna hi fl-għaqda ma’ Kristu (Rumani 5:21). Dment illi għadna fid-dinja, in-natura midinba tagħna u x-xewqa karnali jibqgħu magħna. Iżda aħna mġedda fi Kristu Sidna. Dan iwassal għal taqtigħa jew gwerra bejn xi rridu nagħmlu u x’nagħmlu attwalment, peress li d-dnub jibqa’ jassaltana. Din is-serriegħa hi parti normali mill-ħajja Kristjana.

Interessanti ninnotaw illi Pawlu, appostlu tal-prima klassi, iddikjara illi fost il-midinbin kollha hu kien l-agħar (1 Timotju 1:15). Jafferma t-taqtigħat li aħna lkoll inġarrbu mad-dnub t-tentazzjonijiet matul ħajjitna. Is-serriegħa hi reali, u naħbtu ngħejjew. It-tiġrib ma jieqaf qatt, u nibqgħu naqgħu ‘l isfel mill-glorja t’Alla. Pawlu essenzjalment qed jgħidilna illi m’għandniex għalfejn nippretendu illi m’aħniex affettwati minn dawn l-assalti kontrina. Għadda minnhom hu nnifsu. Jifhem. Għalkemm l-isforzi tagħna biex nagħmlu s-sewwa jidhru ddisprati, imissna nittamaw “permezz ta’ Ġesù Kristu Sidna” (Rumani 7:25; Ebrej 4:15). U hu infatti jagħtina l-vittorja fuq id-dnub.

Kristjan ġenwin jinsab f’battalja max-xitan fl-isforzi kwotidjani tiegħu biex jgħarraqna. Ix-xitan hu l-ħakkiem ta’ did-dinja, u ninsabu ngħixu fuq il-front tal-battalja (Efesin 2:2; 6:12; Ġwanni 12:31). Iffokati fuq Kristu, inkunu kapaċi nikkoltivaw mentalità illi tipproklama illi nippreferu mmutu milli nagħmlu xi ħaġa li biha noffendu lil Alla. Meta nagħtu lilna nfusna totalment lil Kristu (Mattew 16:24), ix-xitan jaħrab minna. Meta noqorbu lejn Alla, Alla joqrob lejna (Ġaku 4:7-8).

Is-sigriet għall-vittorja fit-taqtigħa tagħna mad-dnub jinsab fil-wegħda t’Alla nnifsu: “Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak komuni għall-umanità; imma

Alla hu fidil, li mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib se jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:13).

Bħala segwaċi ġenwini ta’ Kristu, imqar meta nikkonfrontaw provi lil hinn mill-abbiltà tagħna biex nissaportuhom (2 Korintin 1:8), nistgħu nidwu l-kliem ta’ Pawlu, li ddikjara: “Alla ħelisna u se jkompli jeħlisna” (2 Korintin 1:10). Finalment is-salmista jagħti dan il-kliem inkuraġġanti: “Afda fis-Sid u agħmel it-tajjeb; għammar fl-art u irgħa fuq il-fedeltà. Tgħaxxaq fis-Sid u se jagħtik ix-xewqat ta’ qalbek. Ikkommetti triqtek lis-Sid; afda fih, u se jagħmilha” (Salm 37:3-5).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Kif nista’ negħleb id-dnub bħala Kristjan?
© Copyright Got Questions Ministries