settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhi t-triq tas-salvazzjoni?

Tweġiba


Tinsab bil-ġuħ? Mhux fiżikament bil-ġuħ. Irrid ngħid, għandek ġuħ għal xi ħaġa iżjed fil-ħajja? Tħoss xi ħaġa fik illi qisha qatt mhi sodisfatta? Jekk iva, Ġesù hu r-rimedju! Ġesù qal, “Jien hu l-ħobż tal-ħajja; min jiġi għandi ma jaqbdux ġuħ, u min jemmen fija mhux se jaqbdu għatx, qatt” (Ġwanni 6:35).

Tħawwadt? Tħossok qisek qatt ma sibt mogħdija jew skop f’ħajtek? Tħossok qisu xi ħadd tefa’ d-dawl u ma tistax issib is-swiċċ? Jekk iva, Ġesù hu t-triq għas-salvazzjoni! Ġesù pproklama, “Jien hu d-dawl tad-dinja; min isegwini żgurament mhux se jimxi fid-dalma, anzi se jkollu d-dawl tal-ħajja.”

Qatt ħassejtek illi tinsab maqful barra mill-ħajja? Abbli provajt ħafna bibien, u sibt illi hemm biss vojt u ħwejjeġ bla sens? Qed tfittex entratura f’ħajja sinifikanti? Jekk iva, Ġesù hu t-triq tas-salvazzjoni! Ġesù ddikjara, “Jien hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol minni se jkun salvat, u se jidħol u se joħroġ, u se jsib il-mergħa.”

Issib nies illi jiddiżappuntawk? Ir-relazzjonijiet tiegħek huma pjuttost artifiċjali u vojta? Jidher qisu kulħadd qed jipprova jieħu vantaġġ minnek? Jekk iva, Ġesù hu t-triq! Ġesù qal, “Jien hu r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ. Jien hu r-ragħaj it-tajjeb; u naf lil tiegħi, u tiegħi jafu lili” (Ġwanni 10:11,14).

Qatt kont kurjuż x’jiġri wara dil-ħajja? Tinsab għajjien tgħix ħajtek għal affarijiet li jitħassru jew jissaddu? Ġieli forsi ddubitajt il-ħajja għandhiex tifsira jew sinifikat? Trid tgħix wara li tmut? Jekk iva, Ġesù hu t-triq tas-salvazzjoni! Ġesù ddikjara, “Jien hu r-resurrezzjoni u l-ħajja; min jemmen fija, imqar jekk imut, se jgħix, u kull min jgħix u jemmen fija b’ebda mod ma jmut, qatt. Temmnu dan?” (Ġwanni 11:25-26).

X’inhi t-triq? X’inhi l-verità? X’inhi l-ħajja? Ġesù jwieġeb, “Jien hu t-triq, u l-verità, u l-ħajja; ħadd ma jiġi għand il-Missier, ħlief permezz tiegħi” (Ġwanni 14:6).

Il-ġuħ li tħoss hu ġuħ spiritwali, u tista’ taqtgħu biss b’Ġesù. Ġesù hu l-uniku wieħed li jtajjarlek id-dalma lil hemm. Ġesù hu l-bieb għal ħajja sodisfaċenti u eterna. Ġesù hu l-ħabib u r-ragħaj li kont qed tfittex. Ġesù hu l-ħajja – f’din id-dinja u fid-dinja li għad trid tiġi. Ġesù hu l-mogħdija għas-salvazzjoni!

Ir-raġuni għala tħossok bil-ġuħ, ir-raġuni għala qisek tinsab fid-dlam, ir-raġuni għala ma tistax issib sinifikat fil-ħajja, hija waħda: tinsab separat minn Alla. Il-Bibbja tgħidilna li aħna l-bnedmin dnibna lkoll u għaldaqstant ninsabu maqtugħa minn Alla (Ekkleżjażti 7:20; Rumani 3:23). Il-vojt li tħoss f’qalbek hemm raġuni għalih: m’intix f’relazzjoni sewwa m’Alla. Il-Mulej ħalqek biex tgawdi relazzjoni jew ħbiberija miegħu. Minħabba dnubietek, tinsab maqtugħ minnu. Agħar minn hekk, dnubek se jkun il-kaġun illi jħallik isseparat minnu għall-eternità kollha, matul għomrok hawnhekk u fiż-żmien li ġej (Rumani 6:23; Ġwanni 3:36).

Kif tista’ tissolva din il-problema? Ġesù hu t-triq tas-salvazzjoni! Ġesù ħa d-dnubiet fuqu nnifsu (2 Korintin 5:21). Ġesù miet minflok il-midinbin (Rumani 5:8); ħa fuqu nnifsu l-kastig li kien jixraq lilhom. Tlett ijiem wara, qam mill-qabar, u hekk tana evidenza illi rebaħ fuq id-dnub u l-mewt (Rumani 6:4-5). Għaliex għamel hekk? Ġesù wieġeb dil-mistoqsija hu nnifsu: “Imħabba ikbar minn din ħadd m’għandu, illi wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġwanni 15:13).

Ġesù miet sabiex tgħix int. Appena tqiegħed il-fiduċja tiegħek fih, billi tafda f’mewtu bħala l-pagament sħiħ għal dnubietek, il-ħażen tiegħek kollu jinħafer u tkun maħsul. Imbagħad ikollok il-ġuħ spiritwali tiegħek sodisfatt. Jinxtegħel id-dawl. Tikseb aċċess għal ħajja sodisfaċenti. Issir taf lill-aħjar ħabib tiegħek u r-ragħaj it-tajjeb. Issir taf illi se jkollok ħajja tabilħaqq wara li tmut – ħajja ta’ qawmien għall-eternità ma’ Ġesù!

“Għax Alla hekk ħabb id-dinja, illi ta l-uniku Iben tiegħu, sabiex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja eterna” (Ġwanni 3:16).

Ħadt deċiżjoni għal Kristu minħabba dak li qrajt hawn fuq? Jekk iva, jekk jogħġbok ikklikkja fuq il-buttuna “Jien aċċettajt lil Kristu llum” li tidher hawn taħt.


English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhi t-triq tas-salvazzjoni?
© Copyright Got Questions Ministries