settings icon
share icon
Mistoqsija

Min hu l-Ispirtu s-Santu?

Tweġiba


Hemm ħafna ideat żbaljati dwar l-identità vera tal-Ispirtu s-Santu. Xi wħud jikkonsidrawh bħala forza mistika. Oħrajn jifhmu l-Ispirtu s-Santu bħala qawwa impersonali li Alla jqiegħed għad-dispożizzjoni tas-segwaċi ta’ Ġesù. Kif titkellem il-Bibbja dwar l-Ispirtu s-Santu? Tiddikjara bla ħabi ta’ xejn illi l-Ispirtu s-Santu hu Alla. Tgħarrafna wkoll illi l-Ispirtu hu persuna divina, enti li għandu ħsieb, emozzjonijiet u rieda.

L-Ispirtu s-Santu hu verament divin, ċoè hu Alla nnifsu. Dan jidher ċar f’ħafna siltiet mill-Bibbja, fosthom l-Atti 5:3-4. Pietru hawnhekk jikkonfronta lil Ananija u jistaqsih għala gideb lill-Ispirtu s-Santu; jgħarrfu illi ma gidibx lill-bnedmin iżda lil Alla. Hi dikjarazzjoni espliċita illi gidba lill-Ispirtu s-Santu hi gidba lil Alla.

Nistgħu nkunu nafu wkoll illi l-Ispirtu s-Santu hu Alla għax jippossiedi l-karatteristiċi divini. Pereżempju, l-omnipreżenza tiegħu tidher f’Salm 139:7-8. “Fejn nista’ mmur mill-Ispirtu tiegħek? Jew fejn nista’ naħrab mill-preżenza tiegħek? Jekk nitla’ fis-smewwiet, int hemm, u jekk nifrex soddti f’Xeol, ara, int hemm!”

Imbagħad, fl-1 Korintin 2:10-11, niltaqgħu mal-omnixjenza tal-Ispirtu s-Santu. Jaf kollox, xi ħaġa li Alla biss jagħmel. “Alla lilna rrivelahom, permezz tal-Ispirtu; għax l-Ispirtu jfittex kollox, saħansitra l-ħwejjeġ fondi t’Alla. Għax min mill-bnedmin jaf il-ħsibijiet tal-bniedem ħlief l-ispirtu ta’ dak il-bniedem li hu fih? Hekk ukoll il-ħsibijiet t’Alla ħadd ma jafhom ħlief l-Ispirtu t’Alla.”

Nistgħu nsiru nafu illi l-Ispirtu s-Santu hu tabilħaqq persuna divina għax jippossiedi l-ħsieb, l-emozzjonijiet u r-rieda. L-Ispirtu s-Santu jippjana u jaf (1 Korintin 2:10). L-Ispirtu s-Santu jista’ jkun imnikket minna l-bnedmin (Efesin 4:30). L-Ispirtu jinterċiedi għalina (Rumani 8:26-27). Jieħu deċiżjonijiet skont ir-rieda tiegħu (1 Korintin 12:7-11). L-Ispirtu s-Santu hu Alla, persuna divina fit-Trinità Mqaddsa. Bħala Alla, l-Ispirtu s-Santu jista’ verament jiffunzjona bħala dak li jfarraġna u jagħtina parir, bħalma wiegħed Ġesù (Ġwanni 14:16,26; 15:26).

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Min hu l-Ispirtu s-Santu?
© Copyright Got Questions Ministries