settings icon
share icon
Mistoqsija

Kif nista’ nkun naf fiċ-ċert illi se mmur il-ġenna meta mmut?

Tweġiba


Taf fiċ-ċert illi għandek il-ħajja eterna u li se tmur il-ġenna meta tmut? Alla jridek tkun ċert! Il-Bibbja tgħid lill-Kristjani: “Ktibtilkom dawn il-ħwejjeġ, lilkom li temmnu fl-isem ta’ Bin Alla, sabiex tkunu tafu illi għandkom il-ħajja eterna” (1 Ġwanni 5:13). Nissupponu li tidher quddiem Alla issa stess u jistaqsik, “Għaliex għandi nħallik tidħol fil-ġenna?” Xi twieġbu? Forsi ma tafx. Jeħtieġlek tkun taf illi Alla jħobbna u provda mod kif nistgħu nkunu nafu fiċ-ċert fejn se nqattgħu l-eternità. Il-Bibbja tiddikjara: “Għax Alla hekk ħabb id-dinja, illi ta l-uniku Iben tiegħu, sabiex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja eterna” (Ġwanni 3:16).

L-ewwel jeħtiġilna nifhmu l-problema li qed iżżommna milli nidħlu l-ġenna. Il-problema hi din: in-natura midinba tagħna tfixkilna milli ngawdu relazzjoni tajba m’Alla. Aħna midinbin min-natura u bl-għażla tagħna. “Għax kollha dinbu u jonqsu mill-glorja t’Alla” (Rumani 3:23). Ma nistgħux insalvaw lilna nfusna. “Għax bil-grazzja intom salvati, permezz tal-fidi; u dan mhux minnkom infuskom, hu l-għotja t’Alla; mhux bl-opri, sabiex ħadd ma jiftaħar” (Efesin 2:8-9). Jistħoqqilna l-mewt u l-infern. “Għax il-paga tad-dnub hi l-mewt” (Rumani 6:23).

Alla hu qaddis u ġust; bilfors ikollu jikkastiga d-dnub. Frattant iħobbna u provda għall-maħfra ta’ dnubietna. Ġesù qal: “Jien hu t-triq, u l-verità, u l-ħajja; ħadd ma jiġi għand il-Missier, ħlief permezz tiegħi” (Ġwanni 14:6). Ġesù miet għall-midinbin fuq is-salib. “Għax Kristu wkoll bata għad-dnubiet darba għal dejjem, il-ġust għall-inġusti, sabiex iressaqkom lejn Alla” (1 Pietru 3:18). Ġesù kien imqajjem mill-mewt: “kien merħi biex jingħata l-mewt għall-offiżi tagħna, u rxoxtat għall-ġustifikazzjoni tagħna” (Rumani 4:25).

Mela, immorru lura għall-mistoqsija oriġinali – “Kif nista’ nkun naf fiċ-ċert illi se mmur il-ġenna meta mmut?” It-tweġiba hi din – emmen fis-Sid Ġesù Kristu, u se tkun salvat (Atti 16:31). “Dawk kollha li rċevewh, tahom il-jedd isiru tfal t’Alla, lil dawk li jemmnu f’ismu” (Ġwanni 1:12). Tista’ tirċievi l-ħajja eterna bħala għotja b’xejn. “Għax il-paga tad-dnub hi l-mewt, imma d-don b’xejn t’Alla hu l-ħajja eterna fi Kristu Ġesù Sidna” (Rumani 6:23). Tista’ tgħix ħajja mimlija u sinifikanti minn issa stess. Ġesù qal illi ġie biex jagħti l-ħajja lill-bnedmin, u jagħtihom bl-abbondanza (Ġwanni 10:10). Tista’ tqatta’ l-eternità ma’ Ġesù fil-glorja, għax wiegħed: “Jekk immur u nipprepara post għalikom, nerġa’ niġi u għad nirċevikom għandi nnifsi, sabiex fejn inkun jien, intom tkunu wkoll” (Ġwanni 14:3).

Jekk trid taċċetta lil Ġesù Kristu bħala s-Salvatur tiegħek u tirċievi l-maħfra mingħand Alla, hawn għandek talba li tista’ titlob. Ftakar, billi tirreċta talba, b’daqshekk ma ssalvax. Biss billi tafda fi Kristu tkun salvat: hu biss kapaċi jeħilsek mid-dnub. Din it-talba hemm postha għax biha tista’ tesprimi m’Alla l-fiduċja tiegħek f’Ibnu u troddlu ħajr talli provda għas-salvazzjoni tiegħek.

It-talba hi din: “O Alla, naf illi dnibt kontrik u jixraqli l-kastig fl-infern. Iżda Ġesù Kristu ħa fuqu nnifsu l-kastig minħabba d-dnub, biex hekk, bil-fidi fih, tkun tista’ taħfirli. Inqiegħed il-fiduċja tiegħi fih għas-salvazzjoni tiegħi. Inroddlok ħajr għall-grazzja meraviljuża u l-maħfra tiegħek – l-għotja tal-ħajja eterna! Ammen.”

Ħadt deċiżjoni għal Kristu minħabba dak li qrajt hawn fuq? Jekk iva, jekk jogħġbok ikklikkja fuq il-buttuna “Jien aċċettajt lil Kristu llum” li tidher hawn taħt.


English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

Kif nista’ nkun naf fiċ-ċert illi se mmur il-ġenna meta mmut?
© Copyright Got Questions Ministries