settings icon
share icon
Mistoqsija

L-Insara għandhom għalfejn jobdu l-liġi tat-Testment il-Qadim?

Tweġiba


Biex tabilħaqq nifhmu l-kwistjoni rridu nżommu f’moħħna illi l-liġi tat-Testment il-Qadim ingħatat oriġinarjament lin-nazzjon ta’ Iżrael, mhux lill-Insara. Xi wħud mil-liġijiet ingħataw biex juru lill-Iżraeliti kif imisshom jobdu u jogħġbu lil Alla (l-Għaxar Kmandamenti, pereżempju). Xi wħud mil-liġijiet kellhom juru lil-Lhud kif imisshom iqimu lil Alla u jagħmlu tpattija għad-dnub (is-sistema ta’ sagrifiċċji). Xi liġijiet kienu intenzjonati biex jagħmlu lill-Iżraeliti distinti mill-ġnus l-oħra (ir-regolamenti dwar ikel u lbies). Dawn it-tip ta’ liġijiet mhumiex obbligatorji għall-Insara llum. Meta Ġesù miet fuq is-salib, ġab fit-tmiemha l-liġi tal-Patt il-Qadim (Rumani 10:4; Galatin 3:23-25; Efesin 2:15).

Minflok il-liġi tal-Patt il-Qadim, ninsabu taħt il-liġi ta’ Kristu (Galatin 6:2), ċoè illi nħobbu lis-Sid Alla tagħna b’qalbna kollha u b’ruħna kollha u b’moħħna kollu, u nħobbu lill-proxxmu tagħna bħalna nfusna (Mattew 22:37-39). Dment li nobdu dawn iż-żewġ kmandamenti nkunu qed inwettqu x’jirrekjiedi Kristu minna, għax il-liġi u l-profeti jiddependu fuq dawn iż-żewġ kmandamenti (Mattew 22:40). Issa dan ma jfissirx li l-liġi tal-Patt il-Qadim hija irrilevanti għalina llum. Ħafna mill-kmandamenti tal-Patt il-Qadim jaqgħu fil-kategorija ta’ mħabba lejn Alla u mħabba lejn il-proxxmu. Il-liġi tal-Patt il-Qadim tista’ sservi bħala gwida tajba biex insiru nafu kif tħobb lil Alla u tkun taf x’inhu rikjest inkwantu mħabba lejn għajrek. Fl-istess ħin, meta tgħid li l-liġi tal-Patt il-Qadim hija għall-Insara llum hu skorrett. Il-liġi tal-Patt il-Qadim hi unità waħda (Ġakbu 2:10). Jew kollha kemm hi tapplika, inkella xejn minnha ma japplika. Jekk Kristu wettaq parti minnha, bħalma hi s-sistema ta’ sagrifiċċju, wettaqha kollha.

“L-imħabba t’Alla hi illi nobdu l-kmandamenti tiegħu. U l-kmandamenti tiegħu mhumiex gravużi” (1 Ġwanni 5:3). L-Għaxar Kmandamenti kienu essenzjalment ġabra fil-qosor tal-liġi sħiħa tal-Patt il-Qadim. Ilkoll kemm huma nsibuhom, b’xi mod jew ieħor, ripetuti fit-tagħlim tal-Patt il-Ġdid. Ovvjament jekk qed inħobbu lil Alla m’aħniex se nqimu allat foloz jew immilu quddiem l-idoli. Jekk qed inħobbu lill-proxxmu m’aħniex se nikkommettu omiċidju, jew nigdbu, jew naqgħu fl-adulterju, jew nirgħebu għall-proprjetà ta’ nies oħra. L-għan tal-liġi fit-Testment l-Antik hu illi tikkonvinċi lin-nies kemm mhumiex kapaċi jżommu l-liġi u allura tippontahom lejn il-Messija mwiegħed, Ġesù Kristu (Rumani 7:7-9; Galatin 3:24). Il-liġi antika ta’ Iżrael qatt ma kienet maħsuba minn Alla biex tkun il-liġi universali għan-nies kollha f’kull żmien. Imissna nħobbu lil Alla u lill-proxxmu. Jekk nobdu dawn iż-żewġ kmandamenti fedelment inkunu qed nissodisfaw x’jirrekjiedi Alla minna.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

L-Insara għandhom għalfejn jobdu l-liġi tat-Testment il-Qadim?
© Copyright Got Questions Ministries