settings icon
share icon
Mistoqsija

X’inhu l-Kristjaneżmu u x’jemmnu l-Kristjani?

Tweġiba


L-1 Korintin 15:1-4 jgħid, “Issa ngħarrafkom, l-aħwa, l-evanġelju li pritkajtilkom, li wkoll irċevejtu, li fih tinsabu wkoll weqfin, li permezz tiegħu wkoll intom salvati, jekk iżżommu sħiħ il-kelma li pritkajtilkom, altrimenti tkunu emmintu għalxejn. Għax għaddejtilkom bħala primarjament importanti dak li wkoll irċevejt: illi Kristu miet għal dnubietna skont l-Iskritturi, u illi ndifen, u illi kien irxoxtat fit-tielet jum skont l-Iskritturi.”

Fi ftit kliem, dan hu t-twemmin bażiku tal-Kristjaneżmu. Il-Kristjaneżmu huwa uniku fost ir-reliġjonijiet l-oħra. Hu aktar dwar relazzjoni milli dwar prattiċi reliġjużi. Flok ma jipproponi lista ta’ x’tista’ tagħmel u x’ma tistax tagħmel, l-għan tal-Kristjan huwa illi jikkoltiva mixja intima m’Alla l-Missier. Dik ir-relazzjoni ssir possibbli minħabba l-ħidma salvivika ta’ Ġesù Kristu u l-ministeru tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tal-Kristjan.

Il-Kristjani jemmnu li l-Bibbja hi l-Kelma t’Alla, ispirata minnu u allura bla żball. Jemmnu li t-tagħlim kollu tagħha hu l-awtorità finali (2 Timotju 3:16; 2 Pietru 1:20-21). Il-Kristjani jemmnu f’Alla wieħed, li jeżisti eternament fi tliet persuni: il-Missier, l-Iben (Ġesù Kristu), u l-Ispirtu s-Santu.

Il-Kristjani jemmnu li Alla ħalaq il-bniedem speċifikament biex ikollu relazzjoni miegħu, iżda d-dnub jissepara l-bnedmin kollha minn Alla (Rumani 3:23; 5:12). Il-Kristjaneżmu jgħallem li Ġesù Kristu mexa fuq din l-art; hu Alla veru, u frattant hu bniedem sħiħ u reali (Filippin 2:6-11). Jemmnu li miet fuq salib; kien midfun, u mat-tielet jum reġa’ qam mill-qabar, u issa jinsab inkurunat fuq l-id il-leminija tal-Missier, jinterċiedi għall-fidili għal dejjem (Ebrej 7:25). Il-Kristjaneżmu jipproklama l-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib bħala suffiċjenti biex tpatti kompletament għad-dejn tad-dnub. Mewtu tirrestawra r-relazzjoni miksura bejn Alla u l-bniedem (Ebrej 9:11-14; 10:10; Rumani 5:8; 6:23).

Biex issalva, trid tqiegħed il-fiduċja tiegħek kompletament fil-ħidma mitmuma ta’ Kristu fuq is-salib. Jekk temmen li Kristu miet minflokok, biex b’hekk patta kompletament għal dnubietek kollha, u li reġa’ qam mill-qabar, tkun salvat. M’hemm xejn affattu li tista’ tagħmel biex timmerita s-salvazzjoni. Ħadd mhu “tajjeb biżżejjed” biex jogħġob lil Alla b’għemilu stess, għax aħna lkoll midinbin (Isaija 53:6; 64:6-7). M’hemm xejn iżjed x’jista’ jsir, għax Kristu wettaq il-ħidma salvivika kollha kemm hi! Meta kien wasal biex imut, għajjat, “Kollox mitmum!” (Ġwanni 19:30).

Bħalma m’hemm xejn biex taqla’ jew timmerita s-salvazzjoni, ladarba ġenwinament tafda fi Kristu u f’ħidmietu bis-salib, m’hemm xejn li jista’ jtellfek is-salvazzjoni tiegħek, għax is-salvazzjoni hi barka maħduma minn Kristu u għotja mingħandu! Xejn dwar is-salvazzjoni ma jiddependi fuq min jirċeviha. Fi Ġwanni 10:27-29 is-Salvatur jgħid: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jien nafhom, u jsegwuni, u jien nagħtihom il-ħajja eterna, u b’ebda mod ma jintilfu, qatt; u ħadd mhu se jaħtafhomli minn idi. Missieri, li tahomli, hu ikbar minn kulħadd; u ħadd mhu kapaċi jaħtafhom minn id il-Missier.”

Xi wħud jistgħu jirraġunaw: “Tajjeb! Ladarba jien salvat, nista’ nagħmel kulma jfettilli u kulma jogħġobni, u xorta waħda ma nitlifx is-salvazzjoni!” Iżda fir-realtà s-salvazzjoni ma tagħtix liċenzja biex tagħmel kapriċċik. Tkun salvat ifisser li int illiberat milli sservi x-xewqat midinba u l-leblibiet karnali; ifisser li int meħlus biex tikkoltiva relazzjoni sewwa m’Alla. Filwaqt li darba konna lsiera għad-dnub, issa l-fidili jsiru qaddejja ta’ Kristu (Rumani 6:15-22). U dment li l-fidili għadhom fuq l-art, fil-ġisem midneb tagħhom, se jesperjenzaw taqbida kontinwa mad-dnub. Madankollu, il-fidili jista’ jkollhom il-vittorja fuq il-ħażen billi jistudjaw u japplikaw il-Bibbja għal ħajjithom, u jkunu kkontrollati mill-Ispirtu s-Santu, voldiri, jissottomettu għall-qawwa u l-gwida u l-influwenza tiegħu fiċ-ċirkostanzi kollha ta’ ħajjithom. Bil-ministeru tiegħu jkunu kapaċi jobdu l-Bibbja, il-Kelma t’Alla.

Mela, filwaqt li bosta sistemi reliġjużi oħra jirrekjiedu illi nagħmlu diversi obbligi u ma nagħmlux diversi ħwejjeġ oħra, il-Kristjaneżmu jinġabar hekk: nemmnu illi Kristu miet fuq is-salib bħala tpattija għad-dnub u reġa’ qam mill-qabar. Id-dejn tad-dnub ta’ kull min jafda fih huwa kkanċellat, u jiddaħħal fi ħbiberija m’Alla. Jista’ jkollu rebħa fuq l-inklinazzjonijiet għad-dnub, u jimxi f’xirka u ubbidjenza lejn Alla. Dan hu l-Kristjaneżmu bibliku fir-realtà.

English



Lura għall-paġna ewlenija bil-Malti

X’inhu l-Kristjaneżmu u x’jemmnu l-Kristjani?
© Copyright Got Questions Ministries